Saturday, January 24, 2026

Il-Malta Philharmonic Orchestra bi proġett edukattiv interattiv fl-iskejjel primarji

Aqra wkoll

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Malta Philharmonic Orchestra qed tkompli twassal it-tagħlim u l-esperjenza tal-mużika fl-iskejjel primarji permezz ta’ inizjattivi edukattivi mmirati lejn it-tfal.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żaru l-proġett ‘Sounds Like Me’ li hu proġett edukattiv u interattiv li se jdur diversi skejjel madwar Malta. Permezz ta’ attivitajiet kreattivi u parteċipattivi, it-tfal jitgħallmu kif jużaw il-mużika biex jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom, jifhmu aħjar is-saħħa mentali u jirrikonoxxu sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-Ministru Bonnici qal li dan il-proġett ikompli jsaħħaħ ir-rabta bejn il-kultura u l-edukazzjoni, filwaqt li juri kif il-mużika tista’ tkun mezz qawwi ta’ tagħlim u ta’ espressjoni personali. Huwa sostna li inizjattivi bħal dawn jgħinu biex it-tfal u ż-żgħażagħ jiskopru t-talenti tagħhom u jiżviluppaw il-kreattività. “Huwa importanti li l-arti titqiegħed fiċ-ċentru tal-iżvilupp edukattiv u soċjali. Dawn l-attivitajiet jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni attiva, itejbu l-kunfidenza u jrawmu sens ta’ dixxiplina u ħidma f’tim.”

Il-Ministru Clifton Grima qal li l-inizjattivi li qed jitħabbru llum, fit-tieni sena tagħhom, huma inizjattivi li jmorru ferm tajjeb fl-ambitu ta’ edukazzjoni sħiħa. “Dawn mhux l-ewwel inizjattivi li qed nieħdu flimkien mal-Ministeru responsabbli mill-Kultura. Huma inizjattivi li jirriflettu impenn lejn il-promozzjoni tal-kreattività fost l-istudenti tagħna, filwaqt li ngħinuhom jiżviluppaw kemm personalment kif ukoll professjonalment. Inizjattivi li wkoll jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tal-istudenti tagħna, għaliex l-istudenti se jkollhom l-opportunità li jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom u jidentifikaw diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum fejn il-mużika tista’ tkun ta’ għajnuna,” qal il-Ministru Grima.

Il-Malta Philharmonic Orchestra, flimkien ma’ tim kreattiv ta’ professjonisti fil-qasam edukattiv, psikoloġiku u mużikali, immexxi mid-direttur artistiku Daniel Cauchi, żviluppat sensiela ta’ attivitajiet bil-għan li mhux biss jintroduċu lit-tfal fid-dinja tal-orkestra u l-istrumenti tagħha, iżda wkoll biex il-mużika tintuża bħala għodda li tgħinhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Parti importanti minn dan il-proġett hija wkoll il-website MPOkids.com, riżorsa online mfassla apposta għat-tfal. Din il-pjattaforma toffri informazzjoni edukattiva, filmati, quizzes u materjal interattiv ieħor relatat mal-mużika u l-Malta Philharmonic Orchestra. L-għan tagħha huwa li tkompli ssaħħaħ it-tagħlim barra mill-klassi, tgħin lit-tfal jiskopru aktar dwar l-istrumenti u l-istorja tal-orkestra, u tħeġġeġ apprezzament akbar lejn il-mużika b’mod divertenti u aċċessibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport