L-għaqda volontarja Malta Rescue Corps ser tkompli ssaħħaħ kemm il-preżenza u l-kapaċitajiet tagħha, hekk kif mhux biss varat tagħmir speċjalizzat li ser jassisti l-membri tagħha fil-qadi ta’ dmirijiethom imma aġġornat ukoll it-tagħmir fuq ambulanza li l-istess għaqda tuża. Dan permezz ta’ fondi allokati mill-NGO Scheme 2023, amministrati mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri faħħar l-proposti li din l-għaqda mhux governattiva resqet b’suċċess u bbenefikat minn fondi għal dan il-għan. “Il-Malta Rescue Corps hi għaqda li titmexxa b’mod mill-aktar professjonali u tipprovdi assistenza varja tal-ewwel għajnuna speċjalment f’avvenimenti tal-massa. Fil-fatt, matul l-aħħar xhur din l-għaqda ħadet fondi kemm mill-Fond għall-Kawżi Ġusti kif ukoll mill-iskema li kien nieda l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar,” qal il-ministru.
Kompla jgħid li b’kollox, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar irċieva 38 applikazzjoni taħt l-iskema għall-għaqdiet volontarji u wara li sar skrutinju neċessarju, 23 applikazzjoni nstabu li kienu eliġibbli. Dawn l-applikazzjonijiet gawdew minn fondi ta’ madwar €120,000.
Huwa ħeġġeġ aktar għaqdiet volontarji biex jressqu ’l quddiem il-proposti tagħhom u jibbenefikaw minn għadd ta’ skemi li l-ministeru jniedi minn żmien għal żmien.
Min-naħa tiegħu, Etienne Micallef, il-President tal-Malta Rescue Corps, filwaqt li rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, qali li l-fondi allokati ntużaw biex inxtara tagħmir meħtieġ biex l-ambulanza użata għall-attivitajiet tal-massa tkun mgħammra aħjar filwaqt li l-voluntiera tal-istess għaqda ikunu huma stess protetti u mħarrġa biex jagħtu l-ewwel għajnuna.