Ix-xahar ta’ Ġunju esperjenza temperaturi rekord ta’ sħana. Jekk nieħdu in-naħa ta’ fuq tal-Istati Uniti naraw li f’Ġunju dawn kellhom l-aktar temperaturi għoljin reġistrati skont il-EU Earth Observation Progreamme. Imma din ma kinitx sorpriża għax anki fil-Kanada u partijiet oħra fl-Istati Uniti intlalqtu minn temperaturi għoljin.
Jekk nieħdu l-Ewropa naraw li r-Renju Unit minkejja li kellhom jiem ta’ xita u jiem bi sħab, irreġistraw temperaturi għoljin. Filfatt, Ġunju ta’ din is-sena kien it-tieni l-aktar Ġunju sħun reġistrat. Meta ttieħdu t-temperaturi reġistrati fir-Renju Unit u nqabbluhom ma’ dawk ta’ snin passati għal Ġunju, instab li Ġunju ta’ din is-sena fir-Renju Unit kien ir-raba’ wieħed l-aktar sħun li qatt kien irrekordjat fid-dinja.
L-Irlanda ta’ Fuq fl-aħħar jiem ukoll irreġistrat temperaturi rekord ta’ sħana. Ma’ dan imbagħad rajna f’nofs Lulju il-maltemp kbir li laqat lil Olanda, l-Belġju, Lussemburgu u l-Awstrija. Maltemp li ħalla straġi u aktar minn 170 vittma. Rajna ukoll l-Italja ta’ Fuq tintlaqat minn maltemp qawwi fosthom silġ kbir ta’ sitt ċentimetri li ħalla ħerba f’diversi postijiet. Lejn in-nofsinhar, rajna l-maltempata matul il-lejl fuq Palermo, li ħolqot problemi u ħsarat f’din il-belt fi Sqallija. Il-kapitali Finlandiża Helsinku, irreġistrat l-għola temperaturi għal Ġunju sa minn Ġunju tas-sena 1844.
Il-EU Earth Observation Programme jipproduċu l-istatistika tagħhom tat-temperaturi dinjin minn analiżi dettaljata li jagħmlu u li jużaw informazzjoni minn satelliti, ajruplani u ċentri meteoroloġiċi.
X’qed jgħidu l-esperti?… jaqblu li qed jaraw żieda allarmanti fit-temperaturi
Quddiem dan li esperjenzajna, ħafna mill-ewwel ippuntaw subgħajhom lejn il-bidla fil-klima. L-esperti fil-klima tal-bidla imma hemm minnhom li għadhom kawti. Hemm min imma qed janalizza jekk il-maltemp li laqat l-Ewropa hux effett dirett tal-bidla fil-klima.
Il-Professur Peter Scott mill-Uffiċċju Meteoroloġiku tar-Renju Unit, jitkellem b’mod ċar fuq dawn il-fenomeni. Jiddikjara li “saret tista’ tgħid komuni li qed jiġu rekordjati temperaturi għolja rekord x’inkien madwar id-dinja kulll sena.” Jispjega li l-esperti tat-temp, qed jaraw xokkanti bħala fatt li qed ikun hemm aktar mewġiet ta’ sħana, imma l-fatt li t-temperaturi għolew ħafna.
Jekk wieħed jieħu l-Kanada u n-naħa ta’ fuq tal-Istati Uniti isib li t-temperatura f’xi bliet żdied b’ħames gradi celius fuq ir-rekords tas-snin ta’ qabel.
Irid jingħad li anke fis-Siberja kien hemm perjodu is-sena li għaddiet li raw temperaturri għolja b’żieda ta’ 5 gradi, fejn imbagħad studju li kien sar mill-uffiċċju Meteroloġiku Ingliż dwar dan kien instab li hu kważi impossibbli li t-temperaturi jitilgħu daqshekk mingħajr l-intervent uman. L-Uffiċċju Meteoroloġiku Ingliż qed ukoll jistudja it-temperaturi għoljin fl-aħħar jiem fil-Kanada, fejn qed jistennew l-istess riżultati, jiġifieri li impossibbli li t-temperaturi jogħlew daqstant mingħajr intervent uman.
Diversi xjentisti huma tal-fehma li dak li qed nesperjenzaw b’mod partikolari żieda qawwija fit-temperaturi, hi kaġun ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-fatt li temperaturi rekord qed jiġu reġistrati kontinwament, daqqa f’naħa tad-dinja u daqqa f’oħra, qed ikompli jippona lejn il-gassijiet serra.
Temperaturi għoljin huma ‘qattiela silenzjużi”
Interessant hu kumment ta’ Professur Friederike Otto of the Environmental Change Institute at Oxford University. Din tgħid li l-mewġiet ta’ sħana ma jħallux ħerba warajhom kif iħalli l-maltemp. Hi iżda tiddeskrivi l-mewġiet ta’ sħana bħala ’qattiela silenzjużi’.
Tgħid li “bis-sħana in-nies rarament jaqgħu mal-art u jmutu. Dawn imma imutu kwieti fid-djar sħan tagħhom bla arja kundizzjonata”. Tgħid l-imwiet kawża ta’ din is-sħana ma jistgħux jiġu kalkulati f’temp qasir iżda fuq temp ta xhur.
U għal min jaħseb li s-sitwazzjoni se titranġa f’ħakka t’għajn kif jintlaħqu l-mii ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra, il-Professur Otto tiddikjara li “anke jekk nilħqu it-tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet li ħafna pajjiżi huma kommessi li jilħqu, xorta se jibqa’ jkollna mewġiet ta’ sħana intensi u frekwenti li għandna llum.
Il-maltemp fl-Ewropa li ħalla ħerba…x’qed jiġri?
Intant wara li kien hemm pajjiżi fl-Ewropa li rreġistraw temperaturi rekord rajna l-Ewropa Ċentrali mill-Olanda sal-Awstrija jintlaqtu minn maltemp qawwi. Maltemp li ħalla ħerba f’toroq, djar u villaġġi sħaħ sofrew ħsarat kbar. Aktar minn 170 persuna tilfu ħajjithom.
Dan il-maltemp, u l-ħsarat li kkawża qed ikun analizzat minn diversi esperti. Hemm minnhom li kienu allarmati għall-aħħar b’dak li seħħ.
Quddiem il-fatt li hemm min qed jipponta subgħajh lejn il-bidla fil-klima, għax spiss jingħad li bil-bidla fil-klima se jinħoloq temp estrem fosthom ħafna xita fi żmien qasir, ix-xjentisti qed isostnu li biex wieħed jiddetermina jekk dak li seħħ fl-Ewropa hux effett tal-bidla fil-klima, hemm bżonn għadd ta’ ġimgħat ta’ riċerka.
Ix-xjentisti qed isostnu li llum it-temperatura globali medja tad-dinja qiegħda madwar 1.2 grad iżjed minn kemm kienet qabel ir-rivoluzzjoni industrijali. Fi kliem ix-xjentisti din iż-żied hu mistenni li toħloq xita qawwija.
Johannes Quaass, Professur fil-Meteoroloġija fl-Universita ta’ Leipzig, iddikjara li “meta jkolliok xita qawwija, l-atmosfera tiġi qisha sponza. Meta jkollok sponża inti tagħfasha u jinżel l-ilma.”
Ix-xjenzati qed jagħmluha ċara lli l-fatt li t-temperaturi globali tad-dinja żdiedet bi ftit aktar minn grad wieħed, dan ifissser li l-atmosfera għandha kapaċità li żżomm l-ilma fiha b’7 fil-mija aktar minn qabel.
L-ewwel osservazzjonijiet dwar il-maltemp li laqat l-Ewropa qed juru li x-xita seħħet minħabba li kien hemm pressjoni baxxa li kienet fuq in-naħa tal-punent tal-Ewropa u kienet ilha hemm għal diversi jiem. Din kienet imblukkata milli timxi minn pressjoni għolja fuq in-naħa tat-tramuntana u n-naħa tal-lvant.
Beżgħan… il-bidla fit-temp qed isseħħ malajr wisq
Diversi huma dawk ix-xjentisti li huma inkwetati minħabba li qed jaraw li l-bidla fit-temp qed issir malajr u b’mod mgħaġġel.
Hayley Fowler, Hydroclimatologist mill-Università ta’ Newcastle ikkummenta li “ninsab beżgħan. Il-bidla fit-temp qed issir malajr wisq.”
Stefan Rahmstorf, xjentist dwar il-klima minn Potsdam Institute for Climate Impact Research iddikjara li “għandna llum dinja aktar sħuna. Is-silġ qed idub. Il-livell tal-ilma qed jogħa. Qed ikollna aktar temp estrem. Dan se jdum magħna għal diversi ġenerazzjonijiet. Biss nistgħu inżommu u nagħmu xi ħaġa biex is-sitwazzjoni ma tiġix agħar”.
Temperatura baxxa kienet imblukkata għal erbat ijiem…
Jean Jouzel, mill-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPPC) tkellem dwar il-maltemp li laqat l-Ewropa ċentrali u qal li “kellek massa kbira ta’ arja mimlija bl-ilma. Din kienet imblukkata f’altitudni għolja minn temperaturi kesħin. Kienet staġnata għal erbat ijiem fuq ir-reġjun. Dan wassal biex f’ġurnata niżlu bejn 100 u 150 millimetru ta’ ilma. Dan seħħ bejn l-14 u l-15 ta’ Lulju.
L-urbanizazzjoni mhix qed tgħin għal effetti ta’ temp estrem
Diversi esperti huma tal-fehma li ż-żieda fl-urbanizazzjoni fejn qed jargumentaw li l-fatt li għandek art li aktar ma jmur aktar qed tinkesa bil-konkrit, dan qed iwassal biex il-ħamrija u l-art qed jassorbu ħafna inqas ilma tax-xita u dan minnu nfih jikkawża għargħar.