Il-maltempata Helios kompliet tħalli ħerba f’pajjiżna hekk kif minbarra ħalbiet tax-xita kontinwa għal xi ħin ippersista wkoll riħ qawwi li tqawwa għal riefnu f’xi ħinijiet. Dan kompla kkawża ħsarat estensivi fuq diversi strutturi u ammont konsiderevoli ta’ skart spiċċa mxerred f’diversi lokalitajiet.

Ikkuntattjat minn dan il-ġurnal il-Direttur tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara qalilna li l-uffiċjali ta’ Clean Malta fl-aħħar sigħat ħadmu bla waqfien biex jitnaddaf materjal li ġabet magħha l-maltempata. Deguara qalilna li bħala diviżjoni jżommu aġġornati dwar it-tbassir u kienu konxji li s-sitwazzjoni kellha ttawwal però huma ħadmu kemm setgħu biex jitneħħa kull inkonvenjent mit-toroq u żoni pubbliċi. Huwa temm jappella għall-koperazzjoni tal-pubbliku sabiex is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal kemm jista’ jkun malajr.

Kif juru ċertu ritratti meħudin minn diversi postijiet, sfortunatament il-pubbliku għadu mhux qiegħed jiġbed ħabel wieħed f’dak li hu ġbir tal-iskart b’mod responsabbli u li dan jidher ċar f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Mhux biżżejjed li nisseparaw l-iskart, iżda importanti li dan jinħareġ b’mod responsabbli u anke ma jitħalliex mormi bl-addoċċ anke b’riskju li jispiċċa b’kollox għal ġol-baħar.

Fejn jidħlu strutturi, il-maltempata kkawżat ħsarat oħrajn bħalma kienet blata kbira li ċediet fiż-żona ta’ Popeye Village u parti mill-foss taċ-Ċittadella. Fortunatament minkejja diversi strutturi anke fuq skala kbira li ċedew kawża tal-maltemp, fortunatament ħadd ma ndarab gravi f’inċidenti li setgħu saħansitra kkawżaw traġedji.

Intant il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi żar lill-ħaddiema tax-xogħlijiet pubbliċi li wkoll kienu għaddejjin b’ħidma biex jgħinu fir-ritorn kemm jista’ jkun malajr tas-sitwazzjoni ta’ qabel il-maltempata.
