Saturday, December 21, 2024

Il-Malti…

Jikteb Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Kemm huw sabiħ il-Malti u kemm hija sabiħa l-lingwa tagħna. Dejjem kont affaxinat kif poplu żgħir bħal tagħna rnexxielna jkollna l-lingwa tagħna. Missirijietna li għal eluf sħaħ ta’ snin kienu maħkumin mill-barranin kif irnexxilhom iżommu l-lingwa tagħna. Anke meta wieħed iqis kemm il-popolazzjoni ta’ Malta kienet iżgħar. Kemm pajjiżi ħakmuna mill-Feniċi, Arab, Normanni, Rumani, Aragoniżi, Franċiżi sal-Ingliżi. Kollha ħakmu lil Malta u ħafna minnhom użawna għal skopijiet tagħhom. Ħafna drabi l-pożizzjoni ġeografika li għandna f’nofs il-Baħar Meditteran kienet tagħmel il-qadha ta’ Malta vunnerabli u attraenti għal dawk li kellhom bżonn bażi li kapaċi tagħti servizz tajjeb lil flotot li kienu jbaħħru bihom.

Ma ninsewx li kien biss is-seklu l-ieħor li ġie vvintat l-ajruplan il-kumplament kienu x-xwieni li salpaw minn pajjiż għall-ieħor biex iwasslu kollox. Minn merkanzija sa persuni kiex jieħdu ġustizzja ġewwa pajjiżhom. Kien proprju dan il-fatt li ġab lil San Pawl u l-fidi Kattolika lejn Malta. San Pawl fi triqtu lejn Ruma biex jgħaddi ġuri ltaqa’ mal-maltemp u tempest li permezz tagħhom ix-xini tiegħu tkisser mal-kosta Maltija u għalhekk aħna bħala poplu konna wieħed mill-ewwel popli li rċevejna l-fidi ta’ Sidna Ġesu Kristu b’mod dirett minn wieħed mill-appostli l-kbar li għex, ħadem u pprietka spalla ma’ spalla mal-Messija.

Il-lingwa Maltija baqgħet ħajja u eżistiet

Lingwa unika u li jekk iddur id-dinja kollha ma ssibx oħra bħala. Tinkiteb bl-alfabett Ewropew imma tinstema’ qisa djalett min-naha ta’ fuq tal-Afrika u kif wara dawk is-snin kollha maħkuma u kien hemm żmien fejn ħafna mill-Maltin u mill-Għawdxin insterqu minn Malta u Għawdex u kien hemm żmien fejn dejjem il-lingwa barranija kienet superjuri għal dik Maltija, il-lingwa Maltija baqgħet ħajja u eżistiet. Adottat uħud mill-kliem important minn lingwi oħrajn imma bħall-poplu tagħna, addottat għaċ-ċirkostanzi imma baqgħet ħajja u għaddejja. Qabel il-Moviment tal-Ħaddiema Malti fis-seklu l-ieħor kien hawn żewġ movimenti f’Malta li t-tnejn riedu lingwa barranija li tkun il-lingwa uffiċjali. Kien il-Partit Nazzjonalista u dawk li kienu ħbieb tat-Taljani li riedu li t-Taljan ikun il-lingwa uffiċjali u kien hawn dawk li kienu ħbieb tal-Ingliżi, b’Malta kolonja tal-Ingliżi dawn kellhom ir-riħ fil-qala’ li riedu li l-lingwa Ingliża tkun il-lingwa uffiċjali ta’ Malta. Kien il-Moviment tal-Ħaddiema Malti bi tmexxija tal-Perit Dom Mintoff li ħadem u stinka sakemm il-lingwa Maltija saret lingwa li tintuża fil-qrati tagħna u dik uffiċjali. Kont tkun il-qorti tingħata sentenza u ma tifhem xejn. Kienu jkollhom joqogħdu jistaqsu lill-avukati difensuri tagħhom x’qalilhom fis-sentenza.

Għandna lingwa li għandna nkunu kburin bijha għax meta tikkonsidra wkoll li hawn ħafna pajjiżi kbar fil-qies u fil-popolazzjoni li minħabba l-mod kif żviluppaw dawn ma setgħux ikollhom lingwa differenti għid dik Ingliża. Ewlenin fosthom l-Amerika u l-Awstralja. Li għalkemm il-poplu pre kolonjaliżmu ta’ pajjiżhom xorta meta dawn ma baqgħux kolonja l-lingwa tagħhom ma saritx il-lingwa uffiċjali ta’ pajjiżhom u l-lingwa uffiċjali hija l-Ingliż.

Qwiel li titgħallem minnhom…

Kemm għandna anke qwiel ħelwin u li titgħallem ħafna minnhom. Kollha mgħaġunin b’għerf kbir u li fihom tagħlima enormi. Kollha joħroġ minnhom l-għerf, l-għaqal u d-dehen ta’ missirijietna. Qisu kull sitwazzjoni hemm qwiel li tista’ tifhem aħjar anke l-għażliet li jkollok quddiemek jgħamlulek kuraġġ u jagħtuk direzzjoni. Bħas-sewwa Bin Alla, jew fuq Alla m’hemm Ħadd, Alla jagħtik ħaġa u jeħodlok oħra u għin ruħek biex Alla jgħinek . Dawn ftit mill-ħafna qwiel li għandna fil-lingwa tagħna u li fihom studju sħiħ kull qawl minnhom.

Jaffaxinawni wkoll kemm għandna kliem li tista’ tużah iktar minn tifsira waħda u ħafna drabi nitħawwad u ma nkunx nista’ nsib eżatt l-għerq ta’ kif dawn il-kliem ġew użati u interpretati b’dak il-mod. Ħa nsemmi xi wħud kemm ħxejjex kif ukoll annimali li nużaw it-tifsira tagħhom f’kuntest differenti imma ħafna drabi jkunu jfissru ferm differenti milli fil-fatt huma. Hemm il-ħxejjex bħal basla, ġidra, bżaru, melħa. Jew annimali bħal ħmar, muntun, bodbod, ħanżir, barri, moża, tiġieġa u naf ċert li jeżistu iktar annimali u ħxejjex li nużaw fil-lingwa tagħna li permezz tagħhom nkunu rridu nfissru xi ħaġa totalment differenti u li m’għandiex x’taqsam mal-kelma originali.

Qatt smajtu lil sħabkom meta konna fuq il-bankijiet tal-iskola wieħed jgħajjar lill-ieħor ħmar. Ma nistax nifhem kif xi ħadd li forsi ma jkunx tajjeb fl-iskola ngħidlu ħmar. Meta ma tkunx taf kemm huwa bravu ħmar. Għandek raġun forsi li bħal pappagal tgħid dak li aħna soċjalizzati fih. Imma, meta tinduna kemm huwa bravu l-ħmar ma tmurx li lil xi ħadd tgħidlu ħmar, jekk ma jkunx jaf ħafna.

Is-sabiħ u l-kobor tal-lingwa tagħna

Ftit taż-żmien ilu kont qiegħed nitkellem mal-kollega tiegħi l-Avukat Oliver De Gejtano. Persuna inteliġentissimu u staqsejtu r-raġel tal-ġidra x’tgħidlu? Dħakna ftit għax baqa’ jħares lejja u jien għidtlu naħseb ‘ġidrun’ hux. Għax għalkemm il-ġidra m’għandhiex sess però, qisu l-lingwa tagħna ġġiegħlna naħsbu li din hija femminili. Bħal karottu maskili u kaboċċa qisha femminili. Dan huwa s-sabiħ u l-kobor tal-lingwa tagħna li ma writniex biss il-lingwa mitkellma u dik miktuba, bir-regoli kollha li ġġib magħha imma writna wkoll dawn l-espressjonijiet ħelwin li wħud minnhom iġiegħluk titbissem, bħal meta ngħidu dak bassa, lagħqi jew widna. Kollha għandhom interpretazzjoni li jfissru totalment differenti mill-interpretazzjoni tal-kelma oriġinali.

Ikun interessanti li nkomplu napprezzaw kemm aħna ffortunati li ġejna fuq din l-blata żgħira bla ebda riżorsi naturali u l-uniku riżors li għandha huwa l-għaqal u l-bżulija tal-poplu tagħna. Nistgħu ngħidu li aħna ma aħniex poplu tal-ġdur anzi niesna huma inteliġentissimi, ħmar minn jagħmilna u lagħqi min ma japprezzax kemm aħna poplu kbir li dejjem jara lill-barrani u tal-barrani aqwa minn tagħna.
Sliem.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport