Monday, December 30, 2024

Il-Malti għandu raġun jeqred?

Aqra wkoll

Riċentament il-Malti sema avukat igerger li xogħlu spiċċa jisma l-qrid tan-nies, tant li qabbel lilu nnifsu ma qassis. Il-Malti daħakha, għax kieku kull qassis jitħallas daqs avukat għal qrid li jisma, probabli l-knisja miljunarja.

Il-politiċi, avukati, tobba u psikoligi kollha kelma waħda; kemm sar jeqred il-Malti. Meta l-Malti isaqsi għala, jgħidulek għax hawn ċerta negattivita, in-nies qed jeqirdu u qas huma stess ma jkunu jafu fuq xiex. 

Ħafna politiċi infatti saħansitra waqfu l-house visits li kienu tant popolari sa xi ftit snin ilu. Tifhem li dawn kienu qed jaffaċċjaw kritika ta’ kuljum pero l-mument li l-politiku jieqaf jisma x’qed idejjaq il-Malti huwa l-mument li t-tmexxija ma tibqax tindirizza l-bżonnijiet tan-nies.

Il-prezz tal-iżvilupp iħallsu l-Malti biss

Huwa faċli li wieħed ipoġġi l-ħtija fuq il-Malti talli qed jeqred mingħajr ma jerfa’ r-responsabbilta tiegħu. Il-Malti sema politiku jitkellem jipprova jiġġustifika l-problema tat-traffiku billi qal li kull belt ewropea għandha traffiku, dak huwa prezz li l-Malti jrid jħallas biex ikollna ekonomija aktar b’saħħitha.

Il-Malti qabel li kull belt ewropea għandha t-traffiku, li nesa jgħid hu li belt ewropea toffri spazji fejn in-nies tagħha jistrieħu, spazji ħodor li jkunu ta’ pulmun għas-soċjeta. 

Malta minflokk għandha aġenzija b’700 miljun li din is-sena prattikament ma għamlet xejn ħlief impjegat madwar 19 il-manaġer b’pagi eżorbitanti. Skont anki artikli ppublikati wħud minn dawn il-manaġers għandhom pagi ta’ madwar €80,000, waqt li l-paga medja tal-Malti fl-2023 kienet ta’ €21,444.

Imbagħad il-politiċi jsaqsu għala l-Malti mdejjaq, hija ovja li l-Malti jweġġa meta jara dawn l-affarijeit ta’ kuljum. Hu qed iħallas il-prezz tal-iżvilupp tal-ekonomija u minflokk imur għal aħjar hu baqa fejn kien jew ġietu agħar.

Qed jgħidulu li dan l-iżvilupp ma jgħoddx għalih, hu iħallas il-prezz iżda l-benefiċċji ta’ ekonomija aktar b’saħħitha jgħoddu biss għan-nies tal-qalbha u n-negozjanti, l-Malti jmissu biss iċ-ċejċa u l-fdalijiet. 

Il-bini storja oħra, kullimkien kaxxi fuq kaxxi, makkinarju, storbju u trab biex issa indunajna li l-infrastruttura mhux tlaħħaq. L-iżvilupp huwa ta’ benefiċċju għal Malti, iżda żvilupp bla pjan huwa katastrofiku.

Politiċi mitlufin

Il-Malti jemmen li l-irwol tal-politiku għandu jkun wieħed li jagħti direzzjoni, iżda aktar ma jgħaddi żmien aktar qed jirrealizza kemm il-politiċi spiċċaw biss amministratturi.

Direzzjoni nieqsa għal kollox għax ma hemmx kontroll, il-kapijiet eżekuttivi tal-entitajiet imexxu ħafna mix-xogħol tal-Ministeri u l-Ministri jippruvaw jinnegozzjaw ma nies li għandhom id-doppju tal-pagi tagħhom u li normalment ikunu aktar influwenti fuq it-tmexxija mill-Ministri stess.

Il-Malti jemmen li dik hija waħda mir-raġunijiet għala l-politiċi għejjew jisimgħu lil Malti jgerger, għejjew għax fil-verita m’għandhomx saħħa jġibu l-bidla li jixtiequ u b’hekk dik toħloq frustrazzjoni. Minflokk din il-frustrazzjoni jiżvugawha fuq il-Malti u jwaħħlu fih li qed jeqred fil-vojt.

Bidla vera jew kożmetika?

Il-Malti qed jistenna bidla u jidher liż-żewġ partiti se jkunu qed ibiddlu nies fl-istrutturi tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ibiddel is-Segretarju Ġenerali li l-istatut tagħhom jidher li għandu saħħa kważi daqs il-Kap.

Filwaqt li l-Partit Laburista se jkun għaddej b’bidla radikali interna fl-istrutturi l-aktar importanti fosthom il-Presidenti, id-Deputati Mexxejja u riċentament anki kien hemm biddla fil-kap eżekuttiv tal-Partit.

Il-Malti jispera li dawn se jkunu bidliet għal aħjar, li huma denji għal Malti li jgħix f’dan il-pajjiż. Jispera li l-Partiti l-kbar se jaħdmu aktar internament biex verament jsibu lilhom infushom u jagħtu viżjoni aħjar għal Malta, li tkun tipproteġi l-interessi tal-Malti.

Il-Malti vera jgerger iżda jgerger għax m’għandux għażla, jiddependi fuq il-politiċi li hu jkun afda bil-vot li jirritornaw dik il-lealta u jagħmlu d-differenza f’ħajtu. Il-Malti bl-ebda mod ma jrid jidher li għandu kontra Partit jew ieħor, anzi jrid li t-tnejn ikunu b’saħħithom biex joffru viżjoni u soluzzjonijiet għal Malta aħjar.

B’hekk il-Malti se jkompli jgħaqdi dmiru billi jikritika u jiġbed l-attenzjoni fejn jara n-nuqqas għax hu leali l-ewwel u qabel kollox lejn min hu bħalu; Malti.

Ekonomija

Sport