Saturday, December 21, 2024

“Il-Maltin fil-Libja naqsu ferm… iżda fadal ftit li investew jew miżżewġin hemm”

Aqra wkoll

Miktub minn Melvin Farrugia

Għalkemm in-numru ta’ Maltin fil-Libja naqas ferm, madankollu iva għad fadal xi Maltin. Hekk sostna l-Ambaxxatur Malti fil-Libja, Charles Saliba li ma’ Inewsmalta.com spjega li l-Maltin qegħdin hemm għax jew qed jipproteġu l-investiment tagħhom li rnexxielhom jibnu matul is-snin, jew inkella għax l-uniku dħul li għandhom hu permezz tal-impjieg li għandhom fil-Libja. 

Barra hekk, semma li hemm xi Maltin li huma miżżewġin lil Libjani u minħabba s-sitwazzjoni preżenti fil-Libja, jibżgħu li jekk jitbiegħdu mill-propjetà tagħhom din tista’ tkun vulnerabbli għas-serq jew inkella li tiġi okkupata minn nies li m’għandhomx dritt fuq din il-proprjetà.

Madankollu, Charles Saliba qal li l-Gvern Malti jibqa’ jisħaq li l-parir tiegħu hu li l-Maltin jevitaw kull ivvjaġġar, kif ukoll żjarat fil-Libja. 

Rigward is-sitwazzjoni li tinsab fiha l-Libja matul dawn l-aħħar snin, Saliba qal li din kienet waħda karatterizzata minn instabilità u kunflitt fost il-fazzjonijiet differenti Libjani. Spjega li bħala pajjiż qed jiffaċċja sfidi ta’ traffikar ta’ armi, ta’ involviment minn organizzazzjonijiet Iżlamiċi, vjolenza u kriminalità organizzata, li kollox issa wassal għal gwerra ċivili li hi kkaratterizzata minn bidla notevoli fl-ordni soċjali, ekonomika u politika.

L-Ambaxxatur qal li fil-preżent hemm l-Armata Nazzjonali Libjana (LNA) mmexxija mill-Ġeneral Khalifa Haftar, tikkontrolla n-naħa tal-Lvant tal-Libja. Min-naħa l-oħra, qal li hemm il-Gvern ta’ Qbil Nazzjonali (GNA) li hu mmexxi minn Fayez al-Serraj u rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti. Saħaq li s-sitwazzjoni kkumplikat ruħha wkoll bl-involviment ta’ poteri barranin. 

Madankollu, Charles Saliba qal li s-sena l-oħra, meta kulħadd kien qed jittama li kien hemm dawl għar-rikonċiljazzjoni, eżattament fl-4 ta’ April 2019, bla mistenni, il-Ġeneral Haftar beda l-offensiva tiegħu fuq Tripli. Sostna li għalkemm il-Gvern fi Tripli kien meħud b’sorpriża, bl-assistenza ta’ diversi milizzji, il-GNA rnexxielu jimmobilizza lilu nnifsu u s’issa s-sitwazzjoni tinsab staġnata.

L-Ambaxxatur jistqarr li fl-aħħar ftit xhur, iż-żewġ naħat żiedu l-intensità tal-attakki, speċjalment mill-ajru, li saru iktar frekwenti. Qal li dan kollu wassal biex bosta familji tilfu djarhom. Minħabba f’hekk, qal li n-nies ta’ Tripli ilhom isofru minn nuqqas ta’ elettriku għal ħafna xhur, u issa wkoll spiċċaw mingħajr ilma.

Charles Saliba qal li fil-qofol ta’ dan kollu, hemm l-isfida tal-COVID-19 u staqsa kif tista’ timmaġina li meta għandek pajjiż qiegħed jipprova jilqa’ għall-isfida tal-Coronavirus, ikollok sptar li jiġi attakkat bil-missilli u titfarrak parti sostanzjali minnu?

Semma wkoll kif ma’ dawn il-Libjani hemm ukoll l-immigranti, li qed jirriskjaw ħajjithom biex jaqsmu għall-Ewropa, għax anke jekk l-Ewropa għaddejja minn żmien diffiċli, dawn xorta jemmnu li jekk jiġrilhom xi ħaġa fl-Ewropa, hemm jistgħu jsibu ħajja aħjar.

Mistoqsi dwar il-fatt li numru ta’ Maltin għadhom jgħixu fil-Libja, filwaqt li dawn l-immigranti qed jaħarbu minn hemm, l-Ambaxxatur tenna li l-Maltin li qed jgħixu l-Libja kollha għandhom raġuni għalxiex ma ħallewx il-pajjiż, minkejja l-pariri tal-Gvern. 

Hu qal li l-Ġnus Magħquda tistma’ li madwar miljun persuna li tgħix il-Libja, għandha bżonn l-għajnuna umanitarja, fejn nofshom huma nisa u tfal. Spjega kif djar, skejjel u anke sptarijiet qegħdin jiġu milquta minn dawn l-attakki fejn ħafna nies spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom. Semma kif ħafna kellhom jaħarbu mid-djar tagħhom u marru joqogħdu ma’ qraba jew ħbieb. 

L-Ambaxxatur Malti qal li minbarra l-Libjani li jinsabu spostjati internament minn djarhom, hemm ukoll l-immigranti. Spjega li hu kkalkulat li fi Tripli hemm madwar 650,000 refuġjat jew immigrant. Qal li hu rrapportat li wħud minn dawn l-immigranti qed jirrikorru għas-serq biex ikollhom biex iħallsu għal dan il-vjaġġ perikoluż tagħhom lejn l-Ewropa, iktar u iktar issa meta minħabba l-pandemija, il-portijiet Ewropej jinsabu magħluqa.

Qal li kien għalhekk li Malta ħarġet bi proposti konkreti u talbet lill-Unjoni Ewropea biex talloka €100 miljun f’għajnuna umanitarja lil-Libja ħalli ttaffi t-tbatija ta’ dawk l-iżjed milquta. Qal li meta tqis li lill-Eġittu, l-Unjoni Ewropea għadha kemm tagħtu €89 miljun u lit-Tuneżija tagħtha €250 miljun biex tgħinha tiffaċċja l-Coronavirus, allura jħoss li t-talba Maltija hi waħda raġonevoli ħafna.

L-Ambaxxatur qal li Malta ma tistax titħalla weħidha. Saħaq li minn Jannar sa nofs April 2020 f’Malta ddaħħlu 1,135 immigrant irregolari. Sostna li f’sena waħda, Malta salvat iktar minn 4,500 immigrant u meta tqis iċ-ċokon ta’ pajjizna, dan hu ammont kbir ħafna. Saliba qal li ma nistgħux nibqgħu nittallbu biex pajjiżi Ewropej jaqsmu dan il-piż magħna meta r-riżorsi tagħna ta’ protezzjoni medika u ċivili huma limitati. Fl-opinjoni tiegħu, Charles Saliba qal li lkoll qed ngħixu f’perjodu eċċezzjonali li d-dinja qatt ma ffaċċjat qabel. 

Hu qal li f’Tuneż hemm 17-il ambaxxata akkreditati għall-Libja u għalhekk fil-ħidma tiegħu jiltaqa’ regolarment biex jiddiskuti l-bidliet mgħaġġla fil-Libja. Semma wkoll kif bħala stati membri tal-Unjoni Ewropea, jiddiskutu u jħejju ideat li jistgħu jiġu implimentati biex itejbu s-sitwazzjoni fil-Libja. Qal li Malta hi l-eqreb pajjiż Ewropew mil-Libja u għalhekk hu l-interess tagħna li nkunu nafu eżattament dak li qed jiġri fil-pajjiż ġar tagħna.

Fl-opinjoni tiegħu, Charles Saliba jemmen li jeħtieġ li jkun hemm approċċ ta’ ħsieb ġdid u ta’ differenza f’konformità mal-pandemija tal-Coronavirus. Għalhekk qal li bħala riżultat, il-Gvern Malti ħa l-inizjattiva li jipproponi pjan ta’ azzjoni ġdid, mhux biss biex itejjeb il-ħajja tal-immigranti fil-Libja u tnaqqas ir-riskju li titlef aktar ħajjiet fuq il-baħar,  iżda wkoll biex tissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà Maltija f’dan il-perjodu kritiku.

Ekonomija

Sport