Sunday, November 24, 2024

“Il-Maltin ifittxu l-lampuka imma jistaqsu għall-prezz”

Bidu ta’ staġun tajjeb li jiddependi ħafna mill-qabda, mill-irkant u minn min ibigħ

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Mill-festa ta’ Santa Marija sal-Milied huwa miftuħ l-istaġun tal-lampuki, il-ħuta tant maħbuba u mfittxija mill-Maltin. Din is-sena dan l-istaġun jidher li se jkun wieħed tajjeb ħafna fejn il-bejjiegħa tal-ħut, kemm dawk fil-ħwienet u anke dawk bil-vannijiet, ikkonfermaw kemm il-Maltin iħobbu l-lampuka iżda, fl-istess ħin u bir-raġun, il-konsumatur lokali qiegħed l-ewwel jistaqsi għall-prezz qabel jixtri. Dan minħabba, hekk kif diġà rrapporta talk.mt, il-prezz tal-lampuki qiegħed ivarja ħafna skont minn fejn jinxtara. 

Fost il-bejjiegħa li kellmu lil dan is-sit, rajna li l-prezz tagħhom ivarja wkoll u dan, skont huma, minħabba li kollox jiddependi mill-qabda tal-ħut; mill-prezz li jinkiseb fl-irkant fil-pixkerija; kif ukoll minn kemm ikun irid jaqla’ l-bejjiegħ innifsu. 

Filwaqt li tliet bejjiegħa kkonfermaw staġun li “jekk jibqa’ sejjer kif inhu, il-bejgħ se jkun tajjeb”, tawna wkoll idea tax-xogħol tagħhom u xi sfidi li għandhom. Huma spjegaw kif in-nies jippreferu jixtru l-ħut skont l-istaġun li nkunu fih u għalkemm jingħad l-awrat huwa l-aktar ħut li jinbigħ, il-Maltin barra l-lampuki, jikkonsumaw ħafna t-tonn, l-ispnott, il-vopi u s-salamun.

“Bilkemm jaraw il-kwalità u d-daqs tal-lampuka”

“In-nies għejjuni jċemplu biex jistaqsu kemm huma l-lampuki u spiċċajt naqta’ t-telefon. Saru wisq iħarsu lejn il-prezz tant li bilkemm jaraw il-kwalità u d-daqs tal-lampuka. Mill-prezz jinteressahom,” qalilna bejjiegħ f’ħanut tal-ħut fit-Tramuntana ta’ Malta. Huma li jixtru mill-pixkerija fl-irkant jafu li f’dawn iż-żminijiet in-nies jistaqsu l-aktar għal-lampuki minħabba li “lilhom iridu” però, bħala ħanut, l-aktar li jbigħu huwa meta l-lampuki jsiru skarsi fit-toroq u dan anke jekk il-prezz ikun għoli.

F’dan il-ħanut speċjalizzat fil-bejgħ ta’ ħut differenti, il-prezz tal-lampuki kien bis-€7 għaż-żgħar u €7.50 għal dawk imdaqqsin. Pjuttost raġjonevoli u medju meta l-ġimgħa l-oħra kien hemm min bigħu għal aktar minn €10-il kilo. Bejjiegħ fil-ħanut qalilna li l-bejgħ tal-lampuki mhuwiex l-istess għal kulħadd. Huwa spjega li, “hawn min jarma bil-lampuki biss tant li naħseb li tliet kwarti tal-bejjiegħa tal-lampuki bħalissa huma dawk li jarmaw apposta fl-istaġun biss. Dawk li jkunu fl-irħula ibigħu aktar minna u dan jagħmluh f’ħin qasir mentri aħna għandna kull tip ta’ ħut”.

Huwa qal li meta fit-toroq ikun hemm ħafna lampuki, bħala ħanut ma tantx ibigħu minnu. Sostna li d-differrenza fil-prezz tiddependi mid-daqs tal-ħut u mill-kwalità. “Wieħed irid joqgħod attent mingħand min jixtri l-lampuki minħabba li hemm min ma jpoġġix il-ħut fis-silġ u dan jispiċċa jinten. Rajt b’għajnejja xerrejja li jitilgħu għall-irkant bla silġ,” wissa dan il-bejjiegħ. 

Għal min mhuwiex familjari mal-proċedura, tul il-lejl is-sajjieda joħorġu għall-ħut u wara l-qabda jmorru fil-pixkerija ħalli jbigħuh bl-irkant. Bejjiegħa tal-ħut madwar Malta kollha jixtru kaxex ta’ lampuki u l-prezz, bejn fortuna, kif ukoll skont l-ammonti li jixtru, jitla’ jew jinżel. 

Fil-fatt, skont dan il-bejjiegħ, “fl-irkant li jibda fl-4.00 ta’ filgħodu, ġieli l-prezz tal-ħut jibda bil-għoli u mbagħad jorħos iżda dan mhuwiex dejjem il-każ għax kien hemm drabi fejn beda bi prezz u mbagħad għola. Dan dejjem skont l-irkant. Hemm differenza kbira wkoll meta tinxtara kaxxa waħda minn meta jinxtraw 50 kaxxa f’daqqa. Dak li jkun jieħdu bi prezz tajjeb u għalhekk ikun jista’ jbigħhom bi prezz baxx”.

Huwa żied jgħid li fl-ikant hemm min jixtri l-lampuki irħas imma “min ikun duttur” jistenna u jagħżel li jixtri bil-għoli basta l-ħuta għall-klijenti tiegħu tkun ta’ kwalità. 

Sport