Tuesday, March 31, 2026

Il-Maltin jittamaw f’wirja u riżultat pożittivi kontra Georgia

Aqra wkoll

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn Davide Mazzotta jerġa’ jkun fl-azzjoni meta jaffaċċja lil Georgia f’logħba oħra valida mill-kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena, f’konfront li jidher diffiċli iżda mhux impossibbli għall-iżvilupp tat-tim Malti.

Din il-logħba se tiġi ftit jiem biss wara telfa iebsa kontra Greċja bl-iskor ta’ 5-0 bil-logħba li ntlagħbet f’Livadia, fejn minkejja li Malta wriet xi mumenti pożittivi, il-Griegi kienu ferm aktar kliniċi quddiem il-lasta u kkastigaw lid-difiża avversarja. L-istess jista’ jingħad għall-ewwel konfront kontra l-istess Georgia, fejn il-Maltin tilfu 5-0 fiċ-Centenary Stadium. Dawn ir-riżultati juru d-diffikultà tal-grupp, iżda wkoll fejn it-tim għandu bżonn itejjeb il-wirjiet tiegħu.

Georgia, li bħalissa jinsab fin-nofs tal-klassifika tal-grupp, huwa tim organizzat u perikoluż, speċjalment fil-kontrattakki. Fil-logħba preċedenti bejn iż-żewġ naħat, huma sfruttaw kull opportunità li kellhom, bi plejers bħal Saba Kharebashvili u Giorgi Tabatadze jagħmlu d-differenza fil-mumenti kruċjali. Dan ifisser li d-difiża Maltija trid tkun aktar attenta u konċentrata għal tul il-90 minuta kollha, xi ħaġa li forsi mhux dejjem rajniha fil-logħba kontra l-Greċja.

Il-problema ewlenija għal Malta jibqa’ l-attakk fejn s’issa l-plejers Maltin għadhom ma skorjaw l-ebda gowl filwaqt li qalgħu 24.

F’nofs il-grawnd, Malta trid tipprova żżomm aktar il-pussess u tikkontrolla r-ritmu tal-logħba, sabiex tnaqqas il-pressjoni fuq id-difiża. Barra minn hekk, irid ikun hemm aktar dixxiplina tattika biex jiġu evitati spazji li Georgia tista’ tisfrutta malajr.

Il-klassifika tal-grupp turi ċar kemm il-kompetizzjoni hija iebsa, b’timijiet bħal Greċja u l-Ġermanja jiddominaw. Għal Malta, dan ifisser li kull logħba hija opportunità biex jitgħallmu u jkomplu jiżviluppaw bħala skwadra, aktar milli biss jiffukaw fuq ir-riżultat. 

Dan kien ukoll il-kliem tal-kowċ Davide Mazzotta li minkejja kollox irrikonoxxa d-diffikulta’ ta’ dan il-grupp. Hu enfasizza li dan huwa proċess fit-tul, fejn l-għaqda u r-rispett bejn il-plejers huma essenzjali għat-tkabbir.

Mazzotta rrimarka wkoll li qed jinbena pedament tekniku u tattiku ġdid, li jista’ ma jagħtix riżultati immedjati, iżda se jġib frott fil-futur, speċjalment jekk plejers jilħqu t-tim nazzjonali tal-kbar b’kunfidenza u fehim aħjar tal-logħba

Il-logħba se tintlagħab fir- Ramaz Shengelia Stadium f’Kutaisi u tibda fl-4pm.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport