Sunday, December 22, 2024

IL-MALTIN JIVVJAĠĠAW L-AKTAR BIL-KAROZZI TAGĦHOM

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Stħarriġ li sar f’dawn l-aħħar jiem u li kien ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) wera li fis-17 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet 84% tal-vjaġġi kienu b’karozzi privati. L-aktar raġuni komuni għal dan kienet l-użu tal-karozzi lejn il-post tax-xogħol u lejn l-iskejjel. Illum, sena wara dan l-istħarriġ, għad irridu naraw kemm se tkun effettiva l-miżura li ddaħħlet fl-ewwel ta’ dan ix-xahar li pprovdiet trasport pubbliku b’xejn lil kulħadd. 

L-istħarriġ wera li sa kważi sena ilu, 5.2% biss tal-vjaġġi saru bit-trasport pubbliku. Bla dubju dan iwassal għal bosta mistoqsijiet, dwar għaliex huwa persentaġġ daqshekk baxx dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku. Forsi għadu mhux attraenti biżżejjed? Forsi għax m’hemmx frekwenza u puntwalità konsistenti? Jew għax forsi l-Maltin iħobbu jivvjaġġaw fil-privatezza tagħhom? 

Dan il-fattur ta’ nuqqas ta’ popolarità tat-trasport pubbliku jqanqal tħassib ieħor. L-ewwel għaliex l-infrastruttura tat-toroq għadha ma tiflaħx għall-volum ta’ karozzi privati anke minkejja l-iżvilupp li sar fit-twessigħ u bini ta’ toroq ġodda. Anke wkoll l-impatt ambjentali kaġunat mid-dħaħen tal-karozzi meta tqis li fit-tieni kwart tas-sena 2022, il-vetturi liċenzjati ġodda żdiedu b’madwar 78 kuljum.

Dawn il-fatturi jġegħluna nistaqsu x’qed isir biex it-trasport pubbliku jsir aktar effiċjenti bil-għan li l-poplu jagħmel aktar użu minnu. Għalhekk nemmnu wkoll li jkun għaqli jekk isir stħarriġ tal-opinjoni biex il-pubbliku jgħid u jesprimi x’titjib jixtieq jara fis-servizz tat-trasport pubbliku. Dan huwa kruċjali li jsir jekk verament irridu li n-nies iħallu l-karozzi tagħhom fil-garaxx u jużaw it-trasport pubbliku. 

Wieħed ukoll irid jikkombina l-infrastruttura tat-toroq mas-servizz tat-trasport pubbliku. Dan bil-għan li tonqos il-konġestjoni u tniġġis mid-dħaħen ta’ karozzi privati. Nifhmu illi passi diġà ttieħdu mmirati lejn il-kumdità tal-poplu. Dan jidher ukoll mill-bini ta’ tined moderni fil-bus stops fil-maġġoranza tal-lokalitajiet. 

Quddiem dan kollu, jeħtieġ ukoll li titrawwem kultura li tbiddel il-perċezzjoni li teżisti fl-imħuħ tan-nies dwar it-trasport pubbliku. Mhux biss min-naħa tal-pubbliku imma anke min-naħa tal-operaturi, fosthom illi jkomplu jinvestu aktar biex jimmodernizzaw il-flotta ta’ vetturi li għandha l-kumpanija u jersqu aktar lejn dawk li jaħdmu b’mod ambjentali aktar nadif.

Ekonomija

Sport