Skont stħarriġ li ġie ppubblikat mill-Eurostat, ħareġ li fl-2022 il-Maltin kienu fost l-aktar Ewropej kuntenti bir-relazzjonijiet tagħhom. Il-Maltin kellhom medja ta’ 8.6 fuq skala minn 0 sal-10.
L-istess bħal Maltin ġew ikklassifikati l-Awstrijaċi u l-Isloveni.
Il-Eurostat tgħid li l-Ewropej huma sodisfatti bir-relazzjonijiet personali tagħhom meta kellhom medja ta’ 7.8. Minkejja dan kien hemm tnaqqis minimu fuq studju ieħor li kien sar fl-2018 meta dakinhar il-medja kienet ta’ 7.9.
In-nisa wrew li huma aktar sodisfatti bir-relazzjonijiet tagħhom milli mill-irġiel. Dan hekk kif il-medja fost in-nisa kienet ta’ 7.9 filwaqt li fost l-irġiel kienet ta’ 7.8.
L-istudju ppubblikat jgħid li l-aktar ġenerazzjoni sodisfatta bir-relazzjonijiet kienu dawk li għandhom bejn 16 u 24 sena hekk kif kellhom medja ta’ 8.1 filwaqt li dawk li għandhom bejn 25 u 34 sena kellhom medja ta’ 8.0.
L-inqas etajiet li huma l-inqas sodisfatti fir-relazzjonijiet kienu dawk ta’ bejn 50 u 64 sena meta kellhom medja ta’ 7.7.
Il-Eurostat ippubblika dawn iċ-ċifri fil-Jum Internazzjonali tal-Ħbiberija, li jiġi ċċelebrat kull sena fit-30 ta’ Lulju.