Thursday, April 9, 2026

Il-Maltin: “Nies li jilqgħuk u jekk tkun hekk magħhom se jagħtuk lura l-aħjar”

Tabib barranin li għażel jiġi jaħdem f’pajjiżna… jammirana għall-preservazzjoni tal-identità u l-kultura tagħna  (1)

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Marti kienet taf b’Malta… Ktibt lill-Kunsill Mediku Malti u fi żmien sagħtejn irrispondewni. Avolja kkwalifikat, kelli nagħmel eżami ieħor f’Mater Dei. Dan l-eżami kien l-għada tal-korrispondenza u niftakar kif fi żmien 24 siegħa kelli ntir u nattendi għal dan l-eżami. Għall-grazzja t’Alla għaddejt. L-ewwel kont bagħat lil marti biex tara jekk togħġobhiex Malta, għax għalija kien importanti li hi tkun kuntenta. Tlabtha tiċċekkja jekk huwiex pajjiż sigur għalina u għall-qtates tiegħi. Hija kienet affaxxinat ruħha u kienet irrakkkontatli kif jekk illum tiltaqa’ ma’ persuna, l-għada trid tgħidilhom bonġu għax inkella jieħdu għalihom. Qaltli li tant huma nies li jħobbu jitħalltu li jekk ma tinteraġġixix magħhom, jiddispjaċihom u allura din kienet l-ewwel impressjoni li kelli tal-Maltin. Nies li jilqgħuk u jekk tkun hekk magħhom, se jagħtuk lura l-aħjar.” 

Qal dan lil IT-TORĊA Dott. Vikasitha Ketipearachchi magħruf aktar bħala Dr Vik, ħaddiem barrani ta’ 42 minn Sir Lanka li ġie jgħix u jaħdem f’Malta bħala tabib fis-St James Hospital. Għażel lil Malta għal diversi raġunijiet bl-ewwel waħda tkun li Malta huwa pajjiż “newtrali” għalih u għal martu; it-trasport tal-qtates li kellu għax ma riedx iħallihom warajh u l-karatteristika tagħna li nilqgħu b’idejna miftuħa lill-barranin fostna.

Malta: “Ġebla mdawwra bil-baħar ikkonvertita f’pajjiż sabiħ”

Dwar il-Maltin, Dott. Vic għandu opinjoni tajba ħafna u l-iktar ħaġa li nnota huwa kemm aħna poplu kburi bl-għeruq u l-kultura tagħna. “Il-Malti huwa ġens li jilqa’ ħafna lill-barranin. Huma kburin bil-kultura tagħhom tant li huma lesti li jagħmlu minn kollox biex jikkonservawha. Malta hija ġebla mdawwra bil-baħar ikkonvertita f’pajjiż sabiħ, mogħni bl-istorja, imdawwar b’oħrajn kbar u b’saħħithom Bħala pajjiż xorta waħda rnexxielu jippreserva l-identità u l-kultura tiegħu. Jien kont issorprendut minn dan il-fatt,” beda bi tbissima Dott. Vik.

Huwa jiftakar li meta niżel mill-ajruplan kien intilef. Irrakkontalna kif “dak iż-żmien kont irkibt il-karozza tal-linja X4 biex immur il-Belt u meta wasalna l-Marsa ħsibt li kien il-Belt u kważi nżilt minn fuq ix-xarabank. Kienu qaluli li mhux hemm u li kelli ninżel fl-aħħar stage. Kont fejn il-funtana tat-Tritoni u tlabt l-għajnuna ta’ pulizija li kien eskortani ħdejn il-Parlament u tani direzzjoni fejn irrid immur. Għidtlu ‘iva, iva’ imma erġajt intlift. Imbagħad sibt l-għajnuna ta’ grupp ta’ nies fejn wieħed minnhom saħansitra telaq lill-grupp u wassalni t-triq kollha sal-lukanda. Din kienet l-ewwel sperjenza tiegħi diretta mal-Maltin”. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport