Friday, January 24, 2025

Il-Maltin sodisfatti b’ħajjithom aktar mill-medja Ewropea

Aqra wkoll

Rapport tal-agenzija uffiċjali tal-istatistika Ewropea, il-Eurostat, jindika li l-Maltin huma sodisfatti b’ħajjithom aktar mill-medja Ewropea.

Filfatt meta mistoqsijin fuq kemm huma sodisfatti fuq kif sejra ħajjithom fuq skala bejn 0 sa 10, bħala medja l-Maltin iġġudikaw li għandhom livell ta’ sodisfazzjon f’ħajjithom ta’ 7.4. Dan meta l-medja Ewropea hija ta’ 7.3. L-anqas li huma sodisfatti b’ħajjithom huma l-Bulgari fejn l-medja tlaħħaq 5.9 biss. L-aktar sodisfatti huma l-Finlandiżi b’medja ta’ 7.8.

Kumparat mal-2013, l-livell ta’ sodisfazzjon bil-ħajja f’Malta tela minn 7.1 għal 7.4, titjib ta’ 0.3. Dan huwa l-istess bħat-titjib osservat madwar l-Unjoni. Imma l-livell ta’ sodisfazzjon naqas f’sebgħa pajjiżi madwar l-Ewropa, fosthom il-Ġermanja,l-Isvezja, l-Awstrija, l-Olanda, il-Lussemburgu, id-Danimarka u anke fil-Finlandja (il-pajjiz bl-aktar livell ta’ sodisfazzjon). Fi Franza ma kien hemm bidla ta’ xejn f’għaxar snin.

Meta wieħed iħares lejn l-etajiet, jirriżulta li fost iż-żgħażagħ Maltin il-livell ta’ sodisfazzjon bil-ħajja baqa stabbli, fil-livell ta’ 7.6. Dan huwa l-istess li ġara fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa, fejn il-livell baqa ta’ 7.6 f’dawn l-aħħar għaxar snin. Iż-żgħażagħ Ġermaniżi, Daniżi, Irlandiżi, Olandiżi, Awstrijaċi, Pollakki, Finlandiżi u Svediżi kollha raw tnaqqis fil-sodisfazzjon bil-kwalita ta’ ħajjithom fl-istess perijodu.

B’kuntrast l-anzjani Maltin fl-2023 kellhom livell ta’ sodisfazzjon bil-ħajja aħjar mill-2013, b’żieda minn 7.1 għal 7.3. B’kuntrast fil-Ġermanja kien hemm tnaqqis minn 7.4 għal 6.8. Anke fost l-anzjani Daniżi, Irlandiżi, Olandiżi u Svediżi, s-sodisfazzjon bil-ħajja niżel maż-żmien.

Fost dawk ta’ eta bejn 25 u 64, ukoll kien hemm titjib f’Malta, minn 7.1 fl-2013 għal 7.4 għaxar snin wara. Dan jikkuntrasta mat-tnaqqis osservat fid-Danimarka, Ġermanja, Lussemburgu, Olanda, Awstrija, Finlandja u l-iSvezja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport