Tuesday, December 24, 2024

Il-Maltin sodisfatti bis-sitwazzjoni ekonomika u l-livell ta’ għajxien fil-pajjiż

Aqra wkoll

Hekk kif baqgħet għaddejja l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, sar stħarriġ mill-Ewrobarometru dwar l-andament ekonomiku u l-impatt tal-kriżi tal-enerġija li qed taffettwa miljun kbar ta’ nies.

Minn dan l-istħarriġ ħareġ ċar li l-Maltin li ġew intervistati huma sodisfatti bis-sitwazzjoni ekonomika ta’ Malta u anke dwar il-livell ta’ għajxien tagħhom.

Ħafna minn dawn intervistati f’dan l-istħarriġ qalu li l-miżuri li ħa l-Gvern biex itaffi mill-isfidi li ġabet magħha l-gwerra fuq l-enerġija qed iħallu impatt pożittiv.

Meta ġew mistoqsija dwar is-sitwazzjoni fl-Ukranja, il-maġġoranza tal-Maltin esprimew ruħhom favur l-għajnuna umanitarja, iżda fl-istess waqt ma wrewx appoġġ kbir għall-iffinanzjar tat-tagħmir militari lill-Ukreni.

Skont l-Ewrobarometru, 44% tal-Maltin huma sodisfatti bis-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna u 10% wieġbu li hija tajba ħafna.

Il-poplu Malti hu t-tieni l-aktar pajjiż sodisfatt bl-andament ekonomiku ta’ pajjiżu fl-Unjoni Ewropea fejn fl-ewwel post ġie l-poplu tal-Lussemburgu. L-inqas poplu sodisfatt bl-ekonomija tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea kienu s-Slovakki.

B’mod ġenerali, iċ-ċittadini Ewropej huma pożittivi dwar il-miżuri li qed tieħu l-Unjoni Ewropea biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija.

L-Ewrobarometru staqsa wkoll jekk l-Ewropej hux iħossu l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fejn 49% tal-Maltin wieġbu li qed iħallu impatt fuq kemm qed jibqalhom flus fil-but.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru sar fost 500 ruħ bejn it-23 u t-30 ta’ Novembru li għadda.

Ekonomija

Sport