Friday, November 22, 2024

Il-MAM testendi d-direttivi sal-Ġimgħa… tagħti ġimgħa ultimatum lill-Gvern

Aqra wkoll

Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) li ltaqa’ lbieraħ filgħaxija ra li d-direttivi li ngħataw ġew segwiti minn aktar minn 95% tal-membri. 

Sar magħruf li tabib f’ċentru tas-saħħa nstab pożittiv għall-COVID-19, filwaqt li ieħor jinsab fi kwarantina u qed jistenna r-riżultat. 

Il-MAM tħoss li s-sitwazzjoni marret għall-agħar, fejn kien hemm żieda qawwija fil-każi u dawn mistennija jiżdiedu b’ħafna aktar illum. 

L-Assoċjazzjoni qalet li lbieraħ kien hemm erba’ pazjenti li ddaħħlu l-Isptar Mater Dei b’sintomi serji tal-COVID-19. Qalet li issa hemm seba’ pazjenti li qed jiġu rikoverati l-isptar. 

Fl-istess waqt, il-MAM qalet li minkejja li l-Gvern mhux iħalli li jsiru attivitajiet tal-massa ta’ aktar minn 300 persuna, xorta qed iħalli li jsiru attivitajiet ta’ 300 persuna u mhux isir inforzar. Qalet li dawn huma l-kundizzjonijiet ideali biex jinfirex il-virus. 

Barra hekk, qalet li l-Gvern qisu qed jibbaża fuq premess ħażina li għax mhux qed ikun hemm ħafna nies l-isptar, allura m’hemmx problema. Il-MAM qalet li kuntrarjament għal dan ix-xjenza turi li mistenni jkun hemm mewt għal kull 75 każ fi żmien tlieta sa sitt ġimgħat. 

Semmiet ukoll kif tliet stati Baltiċi, l-Irlanda, is-Slovenja, il-Greċja u l-Emilia Romagna u Puglia fl-Italja għamlu restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn Malta wara li l-Ċentru Amerikani għall-kontroll tal-mard iddikjara lil Malta bħal żona ta’ riskju għoli minħabba l-COVID-19. 

Għalhekk, il-Kunsill tal-MAM iddeċieda li d-direttivi jiġu estiżi u jibqgħu fis-seħħ sa nhar il-Ġimgħa. Dawn id-direttivi jiġu sospiżi għal ġimgħa bejn il-15 ta’ Awwissu u t-23 ta’ Awwissu. Jekk ma jittiħdux aktar miżuri mill-Kabinett sa dik id-data biex jinstab kontroll effettiv tal-epidemija, allura l-MAM terġa’ tinforza d-direttivi kollha bis-sospensjoni tal-operazzjonijiet elettivi kollha mit-Tnejn, 24 ta’ Awwissu. 

Sport