L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalet li huwa inġust li l-Prim Ministru Robert Abela tefa’ l-ħtija fuq l-immigranti għaż-żieda fil-każi ġodda ta’ Covid-19 f’pajjiżna.
L-unjin tat-tobba qalet li minkejja dak li ntqal, kienet id-deċiżjoni tal-Gvern li jippermetti l-iżvolġiment ta’ attivitajiet tal-massa li wasslu għal spike ta’ każi ta’ persuni infettati bil-coronavirus. Dan hekk kif l-immigranti li ddaħħlu f’pajjiżna tpoġġew fi kwarantina b’mod immedjat.
Graph mehmuża mal-istqarrija tal-MAM tindika l-ispike li kienet reġistrata matul dawn l-aħħar ġimagħtejn wara l-iżvolġiment ta’ attivitajiet tal-massa.
Il-MAM, flimkien mal-unjin tal-infermiera u l-qwiebel, il-ġimgħa li għaddiet kienet qed thedded li tieħu azzjonijiet industrijali jekk il-Gvern ma jwaqqafx l-iżvolġiment ta’ attivitajiet tal-massa. L-azzjonijiet industrijali ġew sospiżi wara taħditiet mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.