B’reazzjoni għall-miżuri li se jerħu min-nhar il-Ġimgħa li ġej, l-assoċjazzjoni medika, il-MAM, qalet li biex jonqsu r-riskji tat-tixrid tal-virus għandu jkun hemm aktar infurzar u multi għal min jonqos milli jżomm id-distanza soċjali u l-iġene.
Fi stqarrija maħruġa minnha l-MAM filwaqt li apprezzat l-ħidma biex il-gvern jerġa’ jibda jsaħħaħ l-ekonomija ftit ftit, hemm bżonn li l-poplu jiġi mgħarraf b’informazzjoni ċara dwar ir-riskji mediċi li jistgħu jipperikolaw ħajjet in-nies.
L-assoċjazzjoni qalet li s-sitwazzjoni mhux minnu li tinsab stabbli bħalma qiegħed jingħad. Il-MAM irreferiet għaż-żieda fil-każijiet tal-aħħar ġimgħa u spjegat li l-14-il każ tas-Sibt li għadda huma ekwivalenti għall-1,700 każ fl-Italja. Semmiet ukoll l-agħar kriżi li qatt ra l-isptar Mater Dei mill-bidu tal-pandemija fejn kellhom jingħalqu tliet swali b’287 persuna jitpoġġew taħt kwarantina.
Barra minn hekk l-assoċjazzjoni qalet ukoll li ma saret l-ebda konsultazzjoni magħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri tranżitorji u l-effetti tagħhom fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tas-saħħa. Hija se tkun qed titlob li jsiru laqgħat magħha f’dan ir-rigward.
L-assoċazzjoni semmiet xi punti oħra fosthom dwar il-ftuħ ta’ aktar stabbilimenti u li jiżdiedu l-ammont ta’ persuni li jistgħu jkunu fi gruppi li skontha se jżidu r-riskji li jistgħu jipperikolaw l-ħajja tal-professjonisti tas-saħħa.