Saturday, October 12, 2024

Il-MAM twaqqaf id-direttivi għal ġimgħa … Tgħid li l-avvenimenti kollha ta’ aktar minn 10 persuni għandhom jitwaqqfu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fi stqarrija, il-MAM qalet li se twaqqaf id-direttivi għal ġimgħa min-nhar is-Sibt bit-tama li l-gvern jieħu azzjoni deċiżiva fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid-19 f’pajjiżna.

L-assoċjazzjoni qalet ukoll li l-Gvern għandu jgħaraf l-iżbalji li wettaq u jieħu azzjonijiet f’waqthom biex is-sitwazzjoni ma tkomplix tiggrava u nnutat li ħafna mill-pajjiżi membri tal-UE urewna l-karta tal-ħamra meta ħarġu ċertifikat ta’ inkompetenza fil-konfront ta’ pajjiżna. Kien hawnhekk li għal darba oħra rreferiet għal ftuħ tal-ajruport lejn ċertu destinazzjonijiet u l-fatt li pajjiżna beda jxerred xnigħat li konna rbaħna l-ġlieda tagħna kontra dan il-virus; għajta li wasslet biex jibdew jiġu organizzati attivitajiet tal-massa.

Qalet li issa huwa iż-żmien biex il-Gvern isegwi l-pariri tl-esperti fil-qasam tas-saħħa pubblika u l-evidenza xjentifika.

L-assoċjazzjoni temmen ukoll li huwa neċessarju li jittieħdu l-miżuri effettivi tas-saħħa pubblika biex jitrażżnu u jitnaqqsu n-numri ta’ każijiet tal-Covid-19, fl-inqas żmien possibbli.

Fakkret ukoll li mhux żmien iċ-ċelebrazzjonijiet u parties l-għaliex ninsabu fl-eqqel ta’ pandemija, b’persuni morda serjament qegħdin jiddaħħlu l-isptar Mater Dei.

Il-MAM qalet li avvenimenti t’aktar minn 10 persuni wasslu għas-sitwazzjoni li qegħdin fiha bħalissa u għalhekk għandhom jitwaqqfu filwaqt li l-Pulizija għandha timmulta lil min jikser ir-regoli fosthom lil dawk li ma jilbsux il-maskra.

Il-MAM temmen tgħid li l-Maltin urew dixxiplina kbira bejn Marzu u Mejju u għalhekk id-deċiżjonijiet tal-Gvern għandhom ikunu bbażati fuq is-suċċess li nkiseb matul l-ewwel xhur tal-pandemija.

Sport