L-Assoċjazzjoni tal-Professjonisti tas-Saħħa Pubblika, l-MAPHM qalet li Malta għadha kemm irreġistrat rekord ta’ każijiet ġodda ta’ coronavirus fl-aħħar jiem. Fi stqarrija qalet li mill-aqwa pajjiż li kkontrolla l-pandemija, Malta issa hi fost l-agħar milquta. Saħqet li fl-aħħar ġimgħa meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra, Malta rreġistrat l-ogħla rata ta’ infezzjonijiet mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u dan ifisser li n-nies f’Malta huma l-aktar f’riskju li jiġu infettati.
L-MAPHM qalet li filwaqt li l-mexxejja tal-pajjiż qed iġibu ruħhom daqs li kieku Malta għadha l-aqwa u li m’hemm xejn dwar xiex wieħed jinkwieta, il-frontliners u l-voluntiera jinsabu meħlubin bix-xogħol f’din is-sħana qawwija li qed taħkem lill-pajjiż bħalissa, fi tmiem il-ġimgħa u tard billejl, ‘il bogħod minn familthom filwaqt li jistaqsu għaliex ħadd mhu qed jisma’.
L-Assoċjazzjoni wissiet li riżultat taċ-ċifri li qed naraw illum, fi ftit ġimgħat oħra se naraw aktar persuni li jkollhom bżonn kura fl-isptarijiet, aktar persuni li jimirdu serjament u anki mwiet. Il-MAPHM kompliet tgħid li kuntrarju għal dak li qal dalgħodu l-Prim Ministru, dan kollu huwa riżultat tal-esperiment li falla u li kien maħsub li jistimula l-ekonomija b’turisti u parties li jmorru kontra l-pariri tas-saħħa pubblika.
L-Assoċjazzjoni qalet ukoll li kwalunkwe miżuri li se jitħabbru, il-pajjiż diġà qiegħed tliet ġimgħat tard. Żiedet tgħid li kieku l-pajjiż ħa l-prekawzjonijiet minn qabel, kieku ma kienx jasal f’dan l-istadju.
Qalet li hemm bżonn li tiġi ddikjarata emerġenza ta’ saħħa pubblika, jitwaqqfu immedjatament gruppi ta’ 10 persuni jew aktar, jingħalqu l-ħwienet tax-xorb, jieqfu l-parties, tiġi infurzata ż-żamma tad-distanza soċjali u l-użu tal-maskri, u jerġa jiġi ntodott il-kunċett ta’ iżolazzjoni u swab testing ta’ kull persuna li tidħol f’Malta.
L-MAPHM qalet li dan huwa l-parir tal-komunità tas-saħħa pubblika lill-mexxejja u li kull miżura inqas minn hekk ma tkunx biżżejjed għax is-sitwazzjoni tmur għall-agħar u mbagħad inkunu neħtieġu miżuri aktar restrittivi.