Saturday, December 21, 2024

Il-mara li kisret ir-rekord dinji billi ġriet it-tul kollu ta’ New Zealand f’20 jum

Aqra wkoll

Mara kisret ir-rekord dinji billi ġriet it-tul kollu ta’ New Zealand fi ftit aktar minn 20 jum – u b’hekk kissret ir-rekord preċedenti b’ġimagħtejn.

Emma Timmis, ta’ 37 sena oriġinarjament minn Derby, ġriet total ta’  1,300 mil matul il-vjaġġ tagħha minn Cape Reinga, fil-quċċata tal-pajjiż, għal Bluff, u għamlet din l-isfida f’20 jum u 17-il siegħa biss. Dan fisser li rnexxielha tikser ir-rekord preċedenti ta’ 35 jum u 27 minuta.

Hija rnexxielha tagħmel madwar 62 mil (100 km) kuljum waqt li kienet tiġġieled mat-temperaturi ħarxa tant li anke kellha tħabbat wiċċa ma’ temperaturi ta’ 43C , u fost l-oħrajn kellha wkoll tevita traffiku tal-biża’.

Emma temmet il-ġirja sabiex tiġbor flus għall-karità biex imorru għal organizzazzjonijiet li jitrattaw is-saħħa mentali fi New Zealand u r-Renju Unit – u s’issa ġabret aktar minn £15,000.

Hija qalet li l-għan kien li tagħmel bejn wieħed u ieħor 100km kuljum u fil-fatt, ibbażat fuq il-kalkoli li wettqet, irriżulta li għamlet medja ta’ 98.8km kuljum.

“Kien hemm ħafna ostakli fil-bidu, li kien ifisser li ma stajtx inlesti 100km kuljum, allura lejn l-aħħar kont qed ikolli nagħmel aktar minn 100km kuljum biex il-ġirja ssir fil-ħin,” irrakkontat Emma

Emma bdiet l-isfida tagħha fit-18 ta’ Diċembru u temmet dan kollu fis-7 ta’ Jannar.

Sfidi oħra li għamlet preċedentement kienu jinkludu fost l-oħrajn meta ġriet 1,500 mil madwar l-Afrika t’Isfel fl-2011, qabel qasmet il-kontinent Afrikan fl-2014.

Fl-aħħar nett hija qalet li ilha tiġri sa minn meta kellha 12-il sena u spjegat li l-ġiri jagħmilha kuntenta.

Ekonomija

Sport