Tuesday, December 24, 2024

Il-mara ta’ Keith Schembri mixlija b’ħasil ta’ flus

Aqra wkoll

Josette Schembri Vella u l-kumpanija tagħha 3City Designs Ltd, tressqu il-Qorti mixlija b’ħasil ta’ flus li jlaħħqu l-€1.5 miljun. 

Schembri Vella ta’ 45 sena mill-Mellieħa tressqet quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, ġiet akkużata b’ħasil ta’ flus bejn l-2008 u l-2020 u naqas milli tosserva d-dmirijiet tagħha bħala Direttur ta’ kumpanija.

Schembri Vella hija l-mara tal-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri li fi proċeduri separati jinsab ukoll akkużat b’ħasil ta’ flus. 

Fis-seduta tal-bieraħ, il-Prosekuzzjoni kienet mitluba tgħid kemm hu l-ammont ta’ flus allegatament maħsula. Għall-ewwel il-Prosekuzzjoni qalet li ma kinitx f’pożizzjoni tgħid, bil-Maġistrat tirrimarka li mhuwiex aċċettabbli li l-prosekuzzjoni m’għandhiex ammont.

Imbagħad intqal li s-suspett hu fuq trasferimenti li allegatament seħħew mill-kumpanija Kasco għal 3City Designs Ltd., bl-Ispettur Lianne Bonello tgħid li l-valur ta’ ħasil ta’ flus huwa bejn wieħed u ieħor €1.5 miljun.

Schembri Vella wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħha u ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000.

Għall-imputata dehru l-Avukati Edward Gatt, Veronique Dalli, Mark Vassallo u Ishmael Psaila. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Antoine Agius Bonnici u Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li kienu megħjuna mis-Supretendent Frank Anthony Tabone u l-Ispetturi Lianne Bonello u Ian Camilleri.

Ekonomija

Sport