Wednesday, December 25, 2024

“Il-mara wegħditu li jkollha x’taqsam sesswalment miegħu”

Koppja teħel 6 snin ħabs talli ffrodat anzjan

Aqra wkoll

Ian Xuereb ta’ 37 sena u martu Simone ta’ 39 sena kienu kkundannati 6 snin ħabs bejnithom wara li nstabu ħatja li ffrodaw anzjan. Fil-Qorti ntqal li dan il-frodi twettaq fuq l-anzjan li kellu 69 sena fit-28 ta’ Mejju tal-2020.

Il-prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-mara u l-anzjan kienu ltaqgħu fuq Facebook u kien hawn li l-mara wegħditu li jkollha x’taqsam sesswalment miegħu.

Ian u martu Simone kienu marru jgħixu fid-dar tal-anzjan f’Wied il-Għajn wara li qalulu li huma kienu aħwa u mhux fil-fatt miżżewġin. Il-mara kienet ikkonvinċiet lill-anzjan biex jagħti sperma minn tiegħu biex tkun tista’ tagħmel trattament mediku. Wara hija kienet ikkonvinċietu li kienet ħarġet tqila minnu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li kienu l-qraba tal-anzjan li marru jagħmlu rapport l-għassa tal-pulizija wara li ġiehom suspett fl-aġir tal-mara fil-konfront tal-anzjan.

Jirriżulta li l-anzjan beda jissuspetta li t-tarbija ma kinitx tiegħu kemm għax qatt ma kellhom x’jaqsam dirett flimkien kif ukoll meta kinu jmorru għal viżti għand it-tabib dejjem kien jidħol żewġha magħha.

Fix-xhieda tiegħu l-anzjan qal li kien xtara diversi affarijiet lill-mara u anke meta kien isarraf iċ-ċekkijiet tal-pensjoni kien jgħaddilha l-flus. Hu anke kien biddel it-testment u ħalla kollox lill-mara.

Meta l-anzjan kien induna li kien qiegħed jiġi ffrodat kien iddaħħal l-Isptar Monte Carmeli. Hu kien induna li Ian kien qiegħed jieħu d-droga.

L-anzjan fil-Qorti qal li kien iħobb ħafna lill-akkużata u meta sar jaf b’dak li kienet qiegħda tagħmel xorta waħda baqa’ ffissat fuqha.

Wara li l-Maġistrat Vella semgħet il-provi kollha, sabet lill-koppja ħatja ta’ frodi u kkundannathom 6 snin ħabs bejnithom. Huma ġew ordnati li jħallsu lill-anzjan l-€4,275 li ħadulu.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman waqt li għall-akkużati dehru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb.

Ekonomija

Sport