Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atketika?
Minn dejjem kont inħobb l-isport u nsegwi ħafna tipi ta’ sport. Meta kont iżgħar kont inħobb nilgħab il-futbol u anke għamilt żmien nipprattika t-tennis. Kienu jogħġbuni anke diversi arti marzjali u anke għamilt snin iffissat immur il-gym. Peró, minn dejjem kelli namra kbira għall-ġiri. Għal diversi snin kont nagħmlu bħala delizzju u biex inżomm ruħi fit. Eventwalment, meta kont fl-aħħar sena tal-kors l-Universitá kien hemm ħabiba tiegħi Gwen li kienet fil-kors miegħi u ssuġġerietli li mmur għal xi sessjonijiet mal-klabb tal-ġiri tagħha, Pembroke Athleta. Mort it-trakka tal-Marsa fejn laqqagħtni mal-ewwel kowċ tiegħi Mario Pisani li beda jurini kif għandek tittrenja u beda jħarriġni. Bdejt nieħu l-atletika bis-serjetá u Mario beda jibni fija l-bażi ta’ dak li rnexxieli nakkwista fis-snin ta’ wara. Bdejt nittrenja l-atletika bis-serjetá ta’ 25 sena. Ma kontx ta’ etá daqshekk żgħira. Minn dak inhar qatt ma waqaft niġri. Il-ġiri sar parti importanti minn ħajti u llum ma nimmaġinanix mingħajru. Fil-ġiri fit-tul, ma tantx hi problema jekk tibda ta’ etá pjuttost kbira għax jekk tkun determinat u tieħdu bis-serjetá xorta jirnexxielek titjieb u ttejjeb il-ħinijiet tiegħek. Fil-fatt l-ewwel riżultati kbar li kelli fl-atletika ġew wara li għalaqt it-30 sena.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Wieħed mill-ikbar suċċessi li kelli kien meta ksirt ir-rekord nazzjonali tal-Maratona fl-ewwel maratona li qatt ġrejt u dak kien wieħed mill-iktar mumenti indimentikabbli fil-karriera sportiva tiegħi. Dan seħħ f’Valencia f’Diċembru tal-2019. Kont ksirt ir-rekord ta’ John Buhagiar li kien ilu hemm għal 19-il sena. Suċċess sabiħ ieħor kien meta ksibt rekord nazzjonali fin-Nofs Maratona wkoll ġewwa Valencia, Spanja fl-2016 fejn ksirt ir-rekord nazzjonali li kien ta’ Andrew Grech b’ħin ta’ 1:09:26. Imbagħad kont erġajt tejjibt ir-rekord tiegħi stess sena wara fl-2017 b’ħin ta’ 1:09:11 u erġajt ksirt ir-rekord tiegħi stess f’Ottubru tal-2019 fejn għamilt ħin ta’ 1:07:46. Irbaħt in-Nofs Maratona ta’ Malta diversi drabi, l-iktar waħda li tibqa’ għal qalbi hija meta ksibt ir- rekord tar-rotta fl-2020 li għadu hemm sal-lum b’ħin ta’ 1:05:50. Dan ir-rekord kien wieħed sinjifikanti ħafna għalija għax kien ta’ Gerald Degaetano u kien ilu hemm għal 30 sena sħaħ. Ir- rebħ tar-Road Running League għal erba’ darbiet huma wkoll mumenti indimentikabbli, speċjalment l-ewwel Road Running League. Waħda mill-iktar suċċessi riċenti kbar ukoll għal qalbi ħafna huma l-midalji tal-fidda fl-10km u dik tal-bronż fin-Nofs Maratona li rbaħt fil- Kampjonati Dinjija Masters tal-Atletika is-sajf li għadda f’Awwissu 2024 ġewwa Gotenburg fl- iŻvezja. Il-livell kien għoli ħafna u għalhekk dawn il-midalji jfissru ħafna għalija. Fit-trakka wkoll kont champion nazzjonali tal-5000m għal tliet snin u champion nazzjonali tal-10,000m għal seba’ snin.
Fil-jiem li għaddew ħadt sehem b’suċċess fil-Maratona ta’ Malta. Agħtina iktar dettalji.
Il-Maratona ta’ Malta kienet waħda li kien ilni nixtieq niġri. Ġrejt erba’ maratoni qabel din, tlieta ġewwa Valencia fi Spanja u kont ġrejt ukoll il-LaVallette Marathon hawn Malta. Peró, fil-każ tal- Malta Marathon dejjem kont għażilt li niġri n-Nofs Maratona fis-snin imgħoddija. Din is-sena xtaqt niġri l-Maratona. Kuntent bil -prestazzjoni tiegħi u kuntent ħafna li rnexxieli nispiċċa bħala l-ewwel Malti kif ukoll b’ħin ta’ taħt sagħtejn u nofs. Il-biċċa l-kbira tar-rotta ma kontx nafha u għalhekk ma kontx naf eżatt x’inhu ġej. Ir-rotta tal-Malta Marathon fiha diversi telgħat kif ukoll inżul u dan jagħmel it-tiġrija iktar diffiċli minn waħda li hija ċatta. Fil-fatt bdejt b’pass li kien komdu iżda ftit mgħaġġel peressli t-tiġrija tibda b’niżla u mbagħad kelli nnaqqas il-pass fit- telgħat. Il-kundizzjoni fiżika tiegħi kienet tajba imma mhux eċċellenti. Dan huwa minħabba l-fatt li kelli xi tiġrijiet oħra ta’ 5km u 10km fil-ġimgħa ta’ qabel il-Maratona. Dan mhux ideali u ħadtha bħala tagħlima għall-maratoni futuri. Madankollu kuntent u sodistatt bl-ewwel esperjenza tiegħi fil-Maratona ta’ Malta u determinat li ntejjeb il-ħin tiegħi fis-snin li ġejjin.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tal-ateltika f’pajjiżna narah li qiegħed dejjem jitjieb. Jien insegwi l-atletika kollha, mhux biss il-ġiri fit-tul. Qed nara li hawn talent kbir li qiegħed dejjem jitjieb tista’ tgħid f’ħafna mid- distanzi u dixxiplini differenti. Fil-każ tal-ġiri fit-tul, speċjalment fil-kompetizzjonijiet maskili, hemm kompetizzjoni b’saħħitha u nemmen li dan hu importantissimu biex il-livell ikompli jitjieb. Meta jkun hemm din it-tip ta’ kompetizzjoni b’saħħitha, l-atleti jkomplu jagħtu l-aħjar tagħhom u b’hekk biss nistgħu inkomplu ngħollu l-livell.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
F’Malta ir-riżorsi u l-faċilitajiet jidhru li qegħdin f’livell pjuttost tajjeb. Hemm diversi trakki tal- atletika fejn wieħed jista’ jitħarreġ u dik tal-Marsa anke tintuża għall-kompetizzjonijiet. Peró, jien ngħix u nitħarreġ f’Għawdex. Sfortunatament, f’Għawdex għadna lura ħafna f’dan l-aspett. M’għandniex trakka tal-atletika fejn nistgħu nitħarrġu u għalhekk it-taħriġ ikollu jsir fit-triq jew inkella fin-naħa ta’ ġewwa tal-korsa taż-żwiemel. Jien ma ngergirx għax dejjem kont determinat li nitħarreġ u naħdem b’dak li għandi u xorta waħda rnexxejt. Peró, tkun ta’ għajnuna kbira għalija u l-atleti l-oħra l-Għawdxin jekk ikollna trakka tal-atletika fejn nitħarrġu.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
L-għan prinċipali fil-futur atletiku tiegħi jibqa’ bħal dejjem dak li ntejjeb lili nnifsi u ntejjeb il- ħinijiet tiegħi. F’Diċembru li għadda ksibt l-aħjar ħin li qatt kelli fil-Maratona, dak ta’ 2:23:27 u dan kien inkoraġġanti ħafna. Fil-futur għandi diversi kompetizzjonijiet interessanti ppjanati. Din is-sena, f’Lulju se nirrapreżenta lil Għawdex fl-Island Games li se jsiru f’Orkney. Tiġrija oħra kbira li kkwalifikajt għaliha hija waħda mill-ħolmiet kbar ta’ kull atleta li jiġri fit-tul. Jekk Alla jrid se ssir realtá. Din hija l-Maratona ta’ New York li se ssir f’Novembru li ġej.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
L atletika huwa sport sabiħ ħafna li jagħtik ħafna sodisfazzjon kif ukoll jagħtik ħafna valuri, bħal dixxiplina u perseveranza, li huma importanti anke għall-ħajja u għall-karattru tal-persuna. Il- parir tiegħi għal kulll min jixtieq jibda jipprattika l-atletika hu li jieħu pjaċir waqt li jipprattika l-atletika fi kwalunkwe livell. Jekk jintilef il-pjaċir tal-isport ma jibqax daqshekk sabiħ. F’dan l-isport se tieħu lura dak li tagħti. Aktar ma tkun dedikat, determinat u perseveranti aktar se jkollok riżultati tajbin. Importanti li ma taqtax qalbek għax riżultati tajbin jieħdu ż-żmien!