Sunday, December 22, 2024

Il-Marokk jiktbu l-istorja meta jsiru l-ewwel team Afrikan li jgħaddi għas-semi-finali tat-Tazza tad-Dinja

Aqra wkoll

Marokk……….. 1

Portugall…….. 0

Il-Marokk kitbu l-istorja meta għelbu lill-Portugall bl-iskor ta’ 1-0 biex saru l-ew­wel team mill-kontinent Afrikan li kkwalifika għas-semi-finali tat-Tazza tad-Dinja.

Huma qatt ma dehru inferjuri għall-Portugiżi hekk kif l-ewwel taqsima kienet ferm bilanċjata.

U proprju fit-42 minuta, il-Marokk fetħu l-iskor meta Yahya Attiat-Allah xeħet cross għoli u fit-tul li minnu Youssef En-Nesyri għola aktar mid- difensur Ruben Dias u mill-goalkeeper, Diogo Costa, li ħareġ biex jinnewtralizza u b’daqqa ta’ ras niżżel il-ballun Tfir-rokna tax-xibka … biex Al Thumama Stadium sploda biċ-ċelebrazzjonijiet hekk kif aktar minn tliet kwarti minnu kienu qed jagħtu l-appoġġ lit-team Afrikan.

B’hekk El-Nesyri sar l-ewwel player li skorja tliet goals għall-Marokk fit-Tazza tad- Dinja.

Iżda l-Portugall għamlu reazzjoni mmedjata u minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, kienu sfortunati li ma kisbux id-draw meta minn qagħda angolata f’tarf il-kaxxa, it-tentattiv ta’ Bruno Fernandes għeleb lill-goalkeeper  Yassine Bono iżda ġie mċaħħad mill-mimduda.

Peró fil-ħin miżjud, il-Marokkini setgħu rduppjaw meta f’kontrattakk veloċi Yahia Attiyat Allah falla l-mira minn pożizzjoni mill-aktar ideali. 

Fit-tieni taqsima, il-Portugiżi adattaw pjan offensiv fejn fetħu pressjoni fuq il-Marokkini li min-naħa tagħhom għażlu t-tattika ta’ stennija u joperaw bil-kontrattakki biex jissalvagwardjaw il-goal vantaġġ li kellhom.

U minkejja li kienu territorjalment superjuri, il-Portugiżi ftit li xejn impenjaw  lill-goalkeeper avversarju … iżda fil-85 minuta salva lit-team tiegħu b’save stupend fuq Joao Felix.

Żewġ minuti tal-ħin miżjud, Walid Cheddira tkeċċa għall-Marokk meta ntwera t-tieni karta safra.

Fl-aħħar azzjoni tal-logħba, Pepe kellu ċans tad-deheb li jikseb id-draw għall-Portugiżi iżda kien kemmxejn żbilanċjat biex it-tentattiv tiegħu falla l-mira.

Marokk: Yassine Bono, Yahia Attiat-Allal, Romain Saiss (Achraf Dari 57), Jawad El Yamiq, Achraf Hakimi, Sofyan Amrabat, Selim Amallah (Walid Cheddira 65), Azzedine Ounahi, Sofiane Boufal (Yahya Jabrane 81), Youssef En-Nesyri (Badr Benoun 65), Ha­kim Ziyech (Zakaria Aboukhlal 81) – Coach: Walid Regragui

Portugall: Diogo Costa, Raphael Guerreiro (Joao Cancelo 51), Ruben Dias, Pepe, Diogo Dalot (Ricardo Horta 79), Ruben Neves (Cristiano Ronaldo 51), Otavio (Vitinha 51), Bernardo Silva, Joao Felix, Goncalo Ramos (Rafael Leao 69), Bruno Fernandes – Coach: Fernando Santos          

Referee: Facundo Tello (Arġentina)

Assistenti: Ezequiel Brailovsky, Gabriel Chade (Arġentina)

Ammoniti: A. Dari, W. Cheddira (M); Vitinha (P)

Ekonomija

Sport