L-iskejjel tal-Knisja qed jappellaw lill-Gvern biex jipposponi t-tneħħija tal-maskri fl-iskejjel għall-aħħar ta’ Mejju. Fi stqarrija l-iskejjel tal-Knisja qalu li huma kontra d-deċiżjoni li jitneħħa l-obbligu tal-ilbies tal-maskri mit-13 ta’ April.
Sostnew li din id-deċiżjoni qed tittieħed fi żmien fejn l-iskejjel qed jiffaċċjaw numru kbir ta’ edukaturi u studenti morda u li t-tneħħija tal-maskri tista’ twassal għal aktar klassijiet bla għalliema. Il-Kurja rrimarkat dwar il-ħin twil tal-istudenti fl-istess klassi u li jidher li l-ilbies tal-maskra kien effettiv kontra t-tixrid tal-virus.
Għaldaqstant, l-iskejjel tal-Knisja talbu ill-Gvern biex jipposponi t-tneħħija tal-maskri fl-aħħar ta’ Mejju, u jekk dan ma jseħħx, id-deċiżjoni tat-tneħħija tal-maskri għandhom ikunu l-iskejjel li jiddeċiedu x’jagħmlu skont is-sitwazzjoni. F’każ li dan ma jseħħx, il-gvern għandu jippermetti t-tneħħija tal-maskri biss fiż-żoni miftuħa tal-iskola bħalma hija l-bitħa, imma jibqgħu mandatorji fil-klassijiet u fi spazji oħra fuq ġewwa tal-iskola.