Friday, September 5, 2025

Il-materjal li tpoġġa f’Ta’ Qali huwa ta’ kwalità u jintuża f’diversi parks madwar id-dinja

Aqra wkoll

Ir-ramel li tpoġġa madwar il-picnic area fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali huwa materjal ta’ kwalità li jassorbi l-ilma u jżomm natura umduża u għalhekk ikun qed jipproteġi l-ħamrija ta’ taħt milli tixxotta u ssir trab fis-sajf. Il-benefiċċju ta’ dan ix-xogħol huwa li l-ħaxix naturali jikber b’rata mgħaġġla ferm qabel ix-xita fl-istaġun tax-xitwa. 

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, li spjega wkoll kif dan il-materjal jintuża f’diversi parks, ġonna u spazji ħodor madwar id-dinja, inkluż f’pajjiżi li għandhom temperaturi saħansitra iktar sħan minn Malta. 

Ir-ramel jgħin ukoll biex tittaffa l-isfida tal-għargħar li tul iż-żmien kienet tolqot dan l-ispazju miftuħ, bil-konsegwenza li l-post ma kienx ikun jista’ jitgawda wara ħalba xita.

Ingħad ukoll li f’din iż-żona saru wkoll diversi xogħlijiet infrastrutturali, fosthom:

  • fencing iktar addattat u sigur;
  • il-mgħoddija ta’ servizzi u sistema ta’ drenaġġ li qatt m’eżistiet;
  • faċilitajiet sanitarji flok mobile toilets.

Fl-istqarrija żied jingħad li l-fatti juru li eluf ta’ Maltin u Għawdxin huma x-xhieda tal-bidla pożittiva li saret fil-Park Nazzjonali f’Ta Qali, li fl-aħħar snin irdoppja fid-daqs wara li twaqqgħet fabbrika tal-konkrit u minflok ingħata spazju ferm isbaħ lill-familji u t-tfal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport