Friday, December 19, 2025

Il-Medcomms Round Malta Race tagħlaq l-istaġun tat-tlielaq tal-Royal Malta Yacht Club b’flotta rekord

Aqra wkoll

Il-Medcomms Round Malta Race għalqet l-istaġun kompetittiv tat-tlielaq tal-Royal Malta Yacht Club b’flotta rekord ta’ 30 jott, imqassma bejn id-diviżjonijiet Racing u Cruising. Parteċipazzjoni b’saħħita kkonkludiet staġun li ra tkabbir notevoli fil-klassijiet tal-cruising, kemm fil-livell ta’ parteċipazzjoni kif ukoll fil-kompetittività, b’flotta soda u dejjem aktar bilanċjata f’kull diviżjoni.

Ir-Rear Commodore (Sailing) Adrian Gauci Borda laqa’ l-iskala tal-parteċipazzjoni u l-mod kif intemm l-istaġun, u nnota: “Li nagħlqu s-sena bil-Medcomms Round Malta Race ta’ din id-daqs huwa ta’ inkoraġġiment kbir. Il-parteċipazzjoni tajba li rajna f’kull diviżjoni — mir-racing sal-cruising — turi n-natura dejjem aktar inklużiva tal-programm tal-Club. Li nġibu flimkien flotta daqshekk kbira, varjata u kompetittiva biex nagħlqu l-istaġun jawgura tajjeb għal interess u parteċipazzjoni kontinwa tul il-kalendarju tal-2026.”

It-tiġrija, fuq korsa madwar Malta bdiet mill-port ta’Marsamxett u kompliet lejn il-Fairway Buoy, il-marki kardinali ta’ Munxar u Bengħajsa, u mbagħad fuq korsa libera lejn iċ-Ċirkewwa. Ir-rotta kompliet mill-fliegu ta’ Kemmuna, fejn spiċċat ġewwa Marsamxett viċin ir-Royal Malta Yacht Club.

L-Uffiċjal tat-Tellieqa Martin Azzopardi mexxa tliet klassijiet separati. Bdew bil-klassi RMYC Cruisers, segwiti mill-IRC Cruisers u l-IRC Racing Class. Riħ mil-Lvant ta’ Forza 3–4, flimkien ħolqu tiġrija li kienet taktika u impenjattiva.

Fil-klassifika overall, l-istess tliet jottijiet li kienu fuq il-podju s-sena l-oħra reġgħu kisbu l-ewwel tliet postijiet, iżda b’bidla fil-quċċata. Elusive 2, tal-aħwa Aaron, Christoph u Maya Podesta, kisbet ir-rebħa overall quddiem Calypso ta’ Sebastian Ripard, filwaqt li Jubatus ta’ Sean Borg spiċċat fit-tielet post. Għalkemm Jubatus kienet l-ewwel dgħajsa li spiċċat it-tellieqa, ftit sekondi biss qabel Elusive 2, il-fatturi ta’ rating u korrezzjoni tal-ħin finalment taw ir-rebħa lill-familja Podesta.

Meta rrifletta dwar ir-rebħa, Aaron Podesta, ko-skipper ta’ Elusive 2, qal:
“Tiġrija madwar Malta b’riħ kostanti mit-Tramuntana-Lvant offriet ġurnata sabiħa u tattika ħafna fuq l-baħar. Kull deċiżjoni kienet tgħodd, il-kundizzjonijiet żammewna ffukati, u l-ħidma f’tim wasslitna għar-rebħa. Kienet ġurnata mill-isbaħ ta’ tlielaq u mod sabiħ kif nagħlqu s-sena fuq Elusive. Grazzi, RMYC.”

Sebastian Ripard ta’ Calypso, enfasizza wkoll kemm il-kundizzjonijiet kif ukoll id-daqs tal-flotta: “Il-Medcomms Round Malta inħasset bħal li kieku kienet tellieqa fis-sajf, b’ħafna xemx u riħ ħafif mil-Lvant li għamel it-tellieqa pjaċevoli iżda tattikament intensiva. Kien kuntrast qawwi mit-tellieqa tas-sena l-oħra, iżda daqstant ieħor impenjattiva. Dak li verament spikka, però, kienet il-flotta — kien hemm ħafna dgħajjes, u ħassejtni onorat li kont parti minn komunità daqshekk kbira.”

Fil-klassi IRC Cruisers, Inspiration, immexxija minn Godwin Zammit, rebħet quddiem Spirit of the Winds ta’ Simon Xuereb. Il-klassi RMYC Cruisers attirrat flotta partikolarment b’saħħitha u varjata, inkluż diversi dgħajjes li kienu qed jieħdu sehem għall-ewwel darba. Xpalidocious, ta’ David Pizzuto, iddominat il-klassi, u spiċċat l-ewwel kemm fil-ħin reali kif ukoll fil-ħin korrett, b’distakk tajjeb fuq Gregale ta’ Patrick Hamilton Hill li spiċċa fit-tieni post u Gioia ta’ Anthony Miggiani li spiċċat fit-tielet.

Il-Commodore tal-Royal Malta Yacht Club Mark Napier irrikonoxxa l-appoġġ kontinwu tal-isponsor, u nnota li “Il-Medcomms Round Malta Race saret appuntament importanti fil-kalendarju tagħna. Il-Club huwa grat lejn Medcomms għall-appoġġ kontinwu tagħhom. Dan l-appoġġ jgħinna nwasslu tlielaq ta’ kwalità u nżommu l-momentum li qed naraw f’kull klassi.”

Il-premjijiet tal-Medcomms Round Malta Race se jiġu ppreżentati matul it-tmiem il-ġimgħa li ġej..

Il-Club esprima wkoll ir-ringrazzjamenti tiegħu lir-Race Management Team, immexxi minn Martin Azzopardi, flimkien ma’ Michelle Caruana, Adrian Gauci Borda u Arthur Van Der Deijl.

Riżultati tal-Medcomms Round Malta Race

IRC Racers – Klassifika Overall

  1. Elusive 2 (Aaron, Christoph, Maya Podesta)
  2. Calypso (Sebastian Ripard)
  3. Jubatus (Sean Borg)

IRC Class 2

  1. Vivace (Andrew Agius Delicata / Matthew Gabriele)
  2. Lartista (Anthony Calleja)
  3. Time Out (Mario Sant)

IRC Cruisers

  1. Inspiration (Godwin Zammit)
  2. Spirit of the Winds (Simon Xuereb)

RMYC Cruisers

  1. Xpalidocious (David Pizzuto)
  2. Gregale (Patrick Hamilton Hill)
  3. Gioia (Anthony Miggiani)

Il-Club habbar ukoll il-kalendarju ta’ tlielaq għas-sena li ġejja u dan jinsab fuq is-sit elettroniku www.rmyc.org

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport