Friday, January 16, 2026

Il-Mediterran jibqa’ ċentrali fil-politika barranija ta’ Malta – il-President Myriam Spiteri Debono 

Aqra wkoll

Minbarra l-aspett bilaterali tal-politika barranija ta’ Malta fl-2025, pajjiżna kompla jmexxi ‘l quddiem il-multilateraliżmu b’mod attiv fix-xena internazzjonali. 

Stqarret dan il-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono meta  lbieraħ indirizzat lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditati għal Malta fl-okkażjoni tal-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida.

Dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, il-President qalet li Malta tibqa’ temmen li s-soluzzjoni ta’ żewġ stati tibqa’ essenzjali biex tinkiseb paċi u stabbiltà dejjiema fir-reġjun. 

“Fil-kuntest ta’ dan, il-Mediterran jibqa’ ċentrali fil-politika barranija ta’ Malta, sodi fit-twemmin tagħna fit-tfittxija għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun. Għaldaqstant dan il-proċess għandu jinkludi lin-nisa u żgħażagħ bħala aġenti għal bidla li tista’ tittrasforma r-reġjun biex ikompli jimxi ‘l quddiem”.

L-Eċċellenza Tagħha faħħret lil kull wieħed u waħda minnhom għall-ħidma li wettqu matul dawn it-12-il xahar li għaddew u saħqet li l-isforzi tagħħom għenu fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali, it-titjib fil-kummerċ u żiedu l-kuntatti bejn in-nies ta’ Malta u dawk tal-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Il-President Spiteri Debono enfasizzat li Malta dejjem aġixxiet bħala sieħeb onest u affidabbli filwaqt li sostniet li l-isforzi konsistenti ta’ amministrazzjonijiet suċċessivi, appoġġjati minn ħaddiema b’ħiliet u kompetenza, għenu biex pajjiżna bena ekonomija vibranti, diversa u reżiljenti. Fissret kif matul is-snin, din il-politika ekonomika biddlet lil Malta f’ċentru għall-kummerċ, servizzi finanzjarji, turiżmu, manifattura avvanzata, il-farmaċewtiċi u t-teknoloġija tal-informazzjoni. 

Żiedet tgħid: “Illum, l-ekonomija ta’ Malta tikklassifika fid-disa’ post fl-Unjoni Ewropea f’termini ta’ prodott gross domestiku ras għal ras li hija kisba sinifikanti. Fis-sena l-ġdida, se nkomplu naħdmu bi sħiħ biex insaħħu u nżidu r-rabtiet eżistenti għall-benefiċċju reċiproku ta’ pajjiżna u taċ-ċittadini tagħna. Aħna lesti li nidħlu f’djalogu sinifikanti mal-pajjiżi kollha biex nesploraw toroq ġodda ta’ kooperazzjoni f’setturi differenti”, sostniet il-President ta’ Malta.

Fid-diskors tagħha, il-President Spiteri Debono għamlet referenza għal dak li qed jiġri globalment. Qalet li lil hinn mir-reġjun tagħna, l-iżviluppi riċenti fil-Venezwela enfasizzaw il-fragilità tad-dritt internazzjonali. 

Qalet ukoll li din il-kriżi fakkret fir-responsabbiltà ta’ kull stat u mexxej biex jipproteġu d-drittijiet umani taċ-ċittadini tagħhom u biex jiżguraw li r-riżultati elettorali jiġu rispettati permezz ta’ tranżizzjonijiet paċifiċi u demokratiċi.

Spiteri Debono qalet ukoll; “F’dan il-mument, hemm bżonn ta’ rispett, kalma u moderazzjoni sabiex ir-reazzjonijiet ma jaggravawx is-sitwazzjoni tal-poplu Venezwelan, u jgħinu biex jiġu ssalvagwardjati l-ambjent demokratiku li jistħoqqilhom biex jgħixu u jirnexxu fih. Bl-istess mod, il-komunità internazzjonali ma tistax tagħlaq għajnejha għall-kunflitti f’inħawi oħra tad-dinja fosthom fl-Afrika, il-Lvant Nofsani u lil hinn, b’mod partikolari s-Sudan, is-Sirja, il-Jemen, ir-Repubblika Demokratika tal-Congo, l-Afganistan, il-Haiti u l-Myanmar.”

Il-President tenniet li minbarra l-gwerer konvenzjonali, sfidi globali ġodda jeħtieġu l-attenzjoni kollettiva, bit-tibdil fil-klima – “theddida eżistenzjali” li ma tirrikonoxxix fruntieri nazzjonali – hi eżempju ċar. 

Irreferiet ukoll għall-misinformazzjoni u d-diżinformazzjoni li qed iġibu sfidi profondi u implikazzjonijiet għas-sigurtà. Tenniet li l-Intelliġenza Artifiċjali teħtieġ qafas governattiv b’saħħtu li jassigura li din tkun sigura, ta’ min jafda fuqha u orjentata lejn in-nies. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport