Tuesday, July 8, 2025

“Il-Mediterrane Film Festival parti mill-mekkaniżmu li nużaw biex nattiraw il-produzzjonijiet” – il-Ministru Owen Bonnici

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ddikjara fil-Parlament li l-Mediterrane Film Festival huwa parti mill-mekkaniżmu li jintuża biex ikunu attirati aktar produzzjonijiet lejn pajjiżna.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Julie Zahra, fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru Bonnici qal li l-istess investiment li ġie minfuq is-sena li għaddiet għall-Mediterrane Film Festival, ġie ripetut din is-sena. 

Huwa semma kif fl-aħħar seba’ snin, l-industrija tal-films attirat 169 produzzjoni, b’dawk li jaħdmu b’mod dirett f’dan is-settur isostnu li jinsabu mimlija bix-xogħol. Enfasizza li: “169 produzzjoni ma ġewx b’kumbinazzjoni. Ġew għax sar marketing tajjeb ħafna biex jiġu f’pajjiżna, ittieħdu deċiżjonijiet, għandna crew tajjeb ħafna u nagħtu wkoll cash rebate.”

Huwa qal ukoll li jinsab infurmat li kull sena jsir rapport dwar l-impatt ekonomiku tal-Mediterrane Film Festival, liema rapport jiġi ppubblikat u jservi ta’ bażi aħjar biex issir id-diskussjoni.

Dwar l-għajnuna mogħtija lill-produtturi lokali, il-Ministru Bonnici spjega kif sa tliet snin ilu din kienet tlaħħaq is-€700,000 filwaqt li fi żmien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern l-għajnuna kienet ta’ €200,000. 

Huwa kompla jgħid li s-sena li għaddiet, l-għajnuna telgħet għal miljun ewro filwaqt li din is-sena żdiedet għal żewġ miljun ewro. “Kieku kellu jingħata lil kull min japplika hemm jitilgħu ħafna aktar. Il-verità hi li mhux kull min applika jġib il-pass mark.

“Bejn l-ammont li qassamna ta’ €2 miljun u li kieku kellna nagħtu lil kull min għadda u ġab il-pass mark id-differenza hi ta’ €800,000. Qed nagħmel l-isforzi kollha tiegħi sabiex dawk it-€800,000 jiġu investiti wkoll fil-produtturi lokali,” tenna jgħid il-Ministru Bonnici.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport