Wednesday, December 25, 2024

Il-medja ta’ salarji żdiedet b’4.2% fuq is-sena l-oħra

50% tal-kumpaniji qed isaħħu r-remunerazzjoni biex iżommu l-impjegati

Aqra wkoll

Minħabba li qed ikun hemm iżjed bżonn ta’ talent u minħabba żieda fil-kompetizzjoni għal min jiġbed l-aħjar impjegati, 50% tal-kumpaniji Maltin qed isaħħu l-benefiċċji li joffru lill-impjegati biex iżommu l-aqwa talent magħhom.

Dan ħareġ mill-11-il edizzjoni ta’ stħarriġ ta’ misco. L-istħarriġ HR Developments Survey ta’ misco, li kien imniedi dan l-aħħar b’kollaborazzjoni mal-Malta Employers Association, huwa bbażat fuq studju li sar bejn Lulju u Awissu ta’ din is-sena.

L-istħarriġ wera wkoll kif din is-sena, 43% tal-kumpaniji irrappurtaw li raw iżjed vacancies mis-sena l-oħra, u 25% ta’ dawn l-impjiegi kienu f’rwoli tekniċi. 

Skond l-istħarriġ, filwaqt li 65% tal-kumpaniji qed ikomplu jaraw valur fl-importanza tar-Riżorsi Umani, din iċ-ċifra kienet ftit inqas minn dik ta’ 71% rrappurtata fl-2023. 

Fl-istess ħin, li l-impjegati jibqgħu mal-kumpanija, baqa’ prijorità għal 75% ta’ dawk li wieġbu, żieda ta’ 5% mis-sena l-oħra. Għaldaqstant, il-ħin u l-ispejjeż jibqgħu l-ostakli ewlenin biex ikun organiżżat iżjed taħriġ. Il-fatt, 63% tal-kumpaniji lanqas m’għandhom programm strutturat ta’ taħriġ għall-management.

Hija u tippreżenta r-riżultati tal-istħarriġ ġewwa l-binja tal-MEA fil-Belt Valletta lil udjenza ta’ HR managers, Nadine Cilia minn misco spjegat kif skond l-istħarriġ, ir-rwol ta’ HR qed ikompli jaffaċċja ħafna sfidi u ostakli.

“Dawk li jaħdmu fil-qasam ta’ l-HR qed ikomplu jiffaċċjaw sfidi bħal diffikultajiet biex joħolqu sistema kif ikejjlu l-prestazzjoni ta’ l-impjegati, tnaqqis fil-baġits tal-HR, nuqqas ta’ riżorsi, nuqqas ta’ apprezzament mill-management lejn ir-rwol tal-HR u nuqqas l-għoti ta’ saħħa lit-timijiet tal-HR,” innotat is-Sinjura Cilia.

Nadine Cilia spjegat ukoll kif l-ikbar sfida għal dawk kollha li jaħdmu fil-qasam ta’ l-HR tibqa’ d-domanda fis-salarji – ħaġa li ilha ġejja mill-aħħar sentejn ‘l hawn. Min-naħa l-oħra, pakketti ta’ remunerazzjoni aħjar minn kumpaniji oħra għadha r-raġuni ewlenija għalxiex impjegati jagħżlu li jitilqu. Dan il-fattur issemma minn 46% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ, bl-istess mod kif kien irrappurtat is-sena l-oħra.
“Kienet propju din ir-raġuni li wasslet lil ħafna organiżżazzjonijiet biex isaħħu l-pakkett ta’ remunerazzjoni tagħhom fil-fatt, il-medja ta’ salarji żdiedet b’4.2% fuq is-sena l-oħra. Setturi differenti raw żidiet differenti – rwoli fil-qasam tal-finanzi raw żieda ta’ 3.7% u rwoli fl-oqsma legali u compliance raw żieda ta’ 6%.”

L-istħarriġ wera wkoll kif minkejja li 61% tal-kumpaniji jkomplu jinvestu b’mod attiv biex jattiraw talent ġdid, 35% biss ikejlu l-impenn tal-impjegati fuq bażi annwali filwaqt li 30% ma jkejlu qatt.

L-istħarriġ identifika l-aqwa benefiċċji tal-impjegati jiġifieri ikliet sussidjati, assigurazzjoni tal-ħajja, servizzi ta’ kura tat-tfal, skontijiet tal-kumpaniji, sponsorizzazzjonijiet ta’ taħriġ, u sħubija f’gyms.

Għal aktar dettalji u għal kopji tal-istħarriġ dwar l-Iżvilupp tal-HR ta’ misco ikkuntattja lil Nadine Cilia fuq [email protected]

Ekonomija

Sport