Friday, December 20, 2024

“Il-memorja ta’ Tony Zarb se tibqa’ f’dawk kollha li bix-xogħol tiegħu għamel differenza f’ħajjithom”

Deputat Laburista jsellem il-memorja tal-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Tony kellu qalbu kbira imma fl-istess ħin kellu qalbu żgħira”. Iddikjara dan id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield filwaqt li sellem il-memorja tal-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb waqt id-diskors tiegħu fil-parlament.

Iddeskriva lil Zarb bħala “working class hero” għax qalbu kienet dejjem hemm mal-ħaddiem. Fakkar fi żmien l-istrajk tal-ħaddiema tal-Kalaxlokk u li meta dawn il-ħaddiema kienu jkunu fil-kontejners billejl u binhar, l-istess Tony Zarb kien ikun hemmhekk magħhom.

Bedingfield kompla biex jgħid li l-memorja tiegħu se tibqa’ f’dawk kollha illi Tony Zarb bix-xogħol tiegħu għamel id-differenza f’ħajjithom.

Bedingfield qal li minkejja d-diffikultajiet li kien għaddej minnhom f’dawn l-aħħar xhur ma naqasx milli jkun fost l-ewwel nies li kkuntattjawh biex jawgurawlu għar-riżultat li kiseb fl-aħħar elezzjoni ġenerali. 

“Imma issa sfortunatament veru daqshekk Sur President, fil-jiem li ġejjin se nkunu qegħdin nagħtu l-aħħar tislima lil Tony li dejjem ħadem biex itejjeb il-livell tal-għajxien tal-ħaddiema”, temm Bedingfield.

Ekonomija

Sport