Friday, November 15, 2024

IL-MENTALITÀ TA’ “U IVA” MHUX POSTHA FIT-TOROQ TAGĦNA

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem filmat li xxukkja l-midja kien dak li wera xufier ta’ taxi li matul il-lejl inqabad jgħabbi passiġġieri fil-bagoll tal-karozza. Din ċertament li mhix xi sitwazzjoni li ġrat l-ewwel darba jew li ma tistax tirrepeti ruħha jiżdied kemm jiżdied l-infurzar.

Nemmnu li filwaqt li huwa inaċċettabbli li jkollok dawn it-tip ta’ xufiera f’pajjiżna ma nistgħux naslu f’punt li jkollna uffiċjali li jispezzjonaw kull rokna ta’ pajjiżna.
Nilqgħu l-fatt li l-enitità responsabbli ħadet azzjoni minnufih u minn filmat ta’ ftit sekondi wettqet l-investigazzjonijiet, identifikat lix-xufier, issospendietlu l-permess u ddikjarat li se tkun qiegħda tieħu proċeduri ulterjuri filwaqt li saħqet li bħala entità ma tasal qatt taċċetta din it-tip ta’ mġiba.

Madanakollu nistaqsu … X’kien jiġri li ma kienx għaddej dak is-sewwieq bid-dashcam? Għalfejn għad għandek poplu b’mentalità ta’ dik li bl-Ingliż insejħulha live and let live fejn kellek persuni li saħansitra ġġustifikaw l-imġiba irresponsabbli ta’ dan ix-xufier li wasal biex jgħabbi persuni ħajjin daqslikieku kienu affarijiet bħal ngħidu aħna bagalji? Wara dawn it-tip ta’ reazzjonijiet dak li jkun se jagħmel kuraġġ u jasal jirrapporta illegalitajiet simili jew se jibża’ li jista’ jispiċċa attakkat personalment fuq il-midja soċjali?

Proprju lbieraħ stess l-inċidenti fit-toroq Maltin kienu parti mid-diskussjoni waqt il-mistoqsijiet parlamentari. Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri min-naħa tiegħu qal li jinsab infurmat li l-inċidenti tat-traffiku li fihom kienu involuti xufiera tal-Y-Plates is-sena li għaddiet kien ta’ 1,485.

Li jitgħabbew persuni żejda mhijiex l-unika sitwazzjoni li twassal għal dan fejn waqt li nkunu fit-toroq ta’ kuljum nistgħu ninnutaw xufiera b’mentalità tal-ġungla fejn ir-regoli tas-sewqan ftit li xejn jiġu osservati u dan b’detriment għas-saħħa u s-sigurtà ta’ sewwieqa oħra u kif ukoll persuni oħra li jaċċessaw it-toroq bħalma huma dawk li jimxu, jiġru jew jużaw ir-rota fost alternattivi oħra.

Irridu nkunu ċari, din mhix sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni. Il-liġijiet għandhom ikunu għal kulħadd u kull min jinqabad jiksirhom għandu jingħata sanzjonijiet rispettivi. Minkejja li nirrikonoxxu l-isforzi biex jiħraxu dawn is-sanzjonijiet, nemmnu li f’sitwazzjonijiet fejn il-ħajja ta’ xi persuna jew persuni hija perikolata m’għandux ikun hemm telf ta’ żmien biex tittieħed azzjoni.

Nemmnu li fejn dak li rajna fil-passat kien hemm titjib. Min jaf kemm rajna sitwazzjonijiet ta’ persuni mgħobbijin bl-addoċċ u ffullati f’vetturi li sippost jirkbu fihom ftit persuni. Naqsu persuni li jirkbu b’mod perikoluż fuq is-soqfa ta’ vetturi bl-iskuża tkun li d-distanza hija waħda qasira fost raġunijiet banali oħra. Naqsu l-ħaddiema li jabbużaw meta jgħabbu l-vetturi tagħhom u li biex idaħħlu xi ħaġa tal-flus żejda kienu jipperikolaw il-ħajja ta’ dawn ta’ madwarhom u ninnutaw ukoll li żdied ukoll l-infurzar.

Nemmnu li dak li qal il-Prim Ministru fl-aħħar ġimgħat b’reazzjoni għall-inċident traġiku ta’ tfajla f’Ħ’Attard jagħmel ħafna sens u li l-ebda speed camera u l-ebda liġi ħarxa kemm hi ħarxa ma tista’ tevità li jkollna nirrappurtaw mewta oħra fit-toroq tagħna. Ir-responsabbiltà ta’ dak li jiġri fit-toroq tagħna tinsab f’idejn kull wieħed u waħda minnha li b’manuvra mhux f’lokha jista’ jikkawża dannu fuqu personali jew fuq dawk ta’ madwaru.

Ekonomija

Sport