Saturday, May 4, 2024

Il-MEP Agius Saliba jisħaq fuq qafas legali dwar ir-Right to Disconnect

Dan jista’ jelimina l-iżbilanċ fil-liġijiet tax-xogħol fl-UE

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Skont studju mniedi mill-General Workers’ Union u ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea b’kollaborazzjoni mal-European Trade Union Confederation (ETUC) b’rabta mal-effetti tal-pandemija Covid-19 fuq il-ħaddiem, irriżulta li ż-żieda fit-teknoloġija tal-informatika fi żmien il-pandemija wasslet għal diffikultajiet sinifikanti biex ċertu ħaddiema jaqtgħu mix-xogħol. 

Dwar dan tkellimna mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba li kkonferma li r-realtà hija li f’kull stat membru tal-Unjoni Ewropea, il-ħaddiema qegħdin jaffaċċjaw sfidi simili li huma kkawżati direttament mill-avvanz tat-teknoloġija li sfortunatament ftit li xejn ittieħed kont tiegħu fid-dinja tax-xogħol.

Agius Saliba kompla biex jgħid ma’ talk.mt li wasal iż-żmien li jkun hemm qafas leġiżlattiv aġġornat u li jagħti kas tal-iżviluppi li rajna jseħħu bir-revoluzzjoni diġitali. Saħaq li bl-ismartphones u l-laptops illum tista’ taħdem virtwalment minn kullimkien u f’kull ħin, mingħajr ma tkun f’post tax-xogħol wieħed, sitwazzjoni li qed twassal biex ħaddiema jibqgħu jaħdmu anke fil-ħin privat tagħhom. 

Fakkar li l-Pandemija kienet esperjenza li wasslet biex ħafna iżjed nies baqgħu għaddejjin jaħdmu virtwalment ġurnata sħiħa, minħabba li d-dar saret ukoll il-post tax-xogħol matul dan il-perjodu. Agius saliba kompla biex jgħid li huwa fatt magħruf li ħafna aktar nies waslu biex jindunaw kemm verament saret diffiċli biex tinħoloq id-distinzjoni bejn il-ħajja privata u dik professjonali, u li ċertament, il-pandemija kienet esperjenza li dgħajfet aktar id-drittijiet tal-ħaddiema. Madanakollu huwa qal ukoll li bl-istess mod però jeħtieġ li naħsbu fil-mudell ta’ xogħol remot li żied fil-popolarità wara l-pandemija. 

“Ma jeżisti l-ebda qafas legali fuq livell Ewropew li jagħti dan id-dritt ta’ skonnettjar lill-ħaddiema kollha”

Alex Agius Saliba

Mistoqsi dwar id-dritt tal-ħaddiem li jinqata’ għalkollox mill-post tax-xogħol wara l-ħin normali u anke fi tmiem il-ġimgħa (Right to Disconnect) u dwar kemm dan qiegħed ikun segwit u effettiv fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, inkluż f’pajjiżna, Agius Saliba kien ċar fi kliemu. Qal li wieħed irid jitlaq mill-premessa li bħalissa huma ftit l-istati membri fl-Unjoni Ewropea li għandhom xi forma ta’ regolamenti f’dan ir-rigward u li ma jeżisti l-ebda qafas legali fuq livell Ewropew li jagħti dan id-dritt ta’ skonnettjar lill-ħaddiema kollha. Dan kollu qed iwassal għal sitwazzjoni ta’ żbilanċ fil-liġijiet tax-xogħol tal-istati membri, u allura hemm diskriminazzjoni bejn ħaddiema fi stati membri differenti.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista qalilna li kien proprju għalhekk li fuq inizzjattiva personali beda d-diskussjoni fil-Parlament Ewropew sabiex dan id-dritt sostantiv jiġi introdott fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, liema diskussjoni ġibdet interess kbir. Spjegalna li din wasslet biex f’Jannar tas-sena l-oħra ġiet adottata reżoluzzjoni mill-Plenarja tal-Parlament Ewropew li permezz tagħha, il-Parlament talab lill-Kummissjoni Ewropea tiġi ‘l quddiem bi proposta leġiżlattiva. Ir-reżoluzzjoni li ressaq Agius Saliba għall-approvazzjoni tinkludi għadd ta’ rakkomandazzjonijiet u kif ukoll abbozz tat-test legali li jista’ jservi ta’ bażi għall-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea. Għaldaqstant issa wieħed jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta t-tali proposta sabiex ikollna direttiva li tiggarantixxi dritt ugwali għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea.

Il-MEP Alex Agius Saliba

Skont l-istess studju magħmul mir-riċerkaturi Manwel Debono u christine Garzia nstab li l-użu tal-kommunikazzjoni bl-emails, chat groups u mezzi oħra wasslu biex il-ħaddiem spiċċaw jaħdmu sigħat itwal u li kien hemm ħaddiema li saħansitra lmentaw li min iħaddem ippretenda li l-ħaddiema jkunu disponibbli 24 siegħa kuljum. Mistoqsi jekk dan ifissrix li għad hemm min iħaddem li mhux jirrikonoxxu d-dritt li ħaddiem jieqaf mix-xogħol f’ċertu punt, Alex Agius Saliba qalilna li sfortunatament għad hawn ħafna abbużi fuq il-ħaddiema. Żied jgħid li min iħaddem għadu jrid ikun kostrett permezz ta’ regolamenti biex ma jibqax jitlob lill-ħaddiema tiegħu jaħdmu wara l-ħin tax-xogħol. “L-ebda ġlieda tal-ħaddiema ma kienet faċli u lanqas din id-diskussjoni mhi se tkun bla problemi. Madanakollu nemmen li issa ser tkun aktar faċli la hemm diskussjoni wiesgħa, inkluż anke mal-għaqdiet ta’ min iħaddem u kif ukoll il-Gvern Malti, li huwa stakeholder importanti, mhux biss bħala l-eżekuttiv tal-pajjiż, iżda wkoll għaliex jimpjega eluf ta’ nies. Naturalment, jonqos ħafna aktar x’jiġi diskuss, kemm fuq livell Ewropew u kif ukoll fuq livell domestiku mal-partijiet interessati. L-ewwel u qabel xejn, irridu nistennew il-Kummissjoni Ewropea tagħmel analiżi tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri u tersaq ‘il quddiem bi proposta xierqa li mbagħad tkun diskussa bejn il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew”, kompla l-membru parlamentari Ewropew.

“L-ebda ġlieda tal-ħaddiema ma kienet faċli u lanqas din id-diskussjoni mhi se tkun bla problemi”

Alex Agius Saliba

Min-naħa tiegħu huwa stqarr li huwa fattur inkoraġġanti li l-gvern Malti kien minn ta’ quddiem li rreaġixxa b’mod pożittiv għal din l-inizzjattiva u inkorpora dan id-dritt għall-ħaddiema taċ-Ċivil permezz tal-Politika ġdida dwar ix-xogħol remot li adotta f’Settembru li għadda. Aktar minn hekk jidher li hemm diskussjoni sana anke fis-settur privat, fejn qed jikber aktar ir-rikonoxximent li għandna bżonn nibdlu l-mod li bih inħarsu lejn ix-xogħol sabiex niffukaw aktar fuq il-produttività minflok lejn is-sigħat ta’ ħidma, u biex fl-istess ħin tiżdied l-informazzjoni dwar l-użu u l-limitazzjoni tal-użu tat-teknoloġija.

Agius Saliba temm jispjega li ladarba jkun hemm liġi b’rabta mal-kunċett tar-right to disconnect, kull min iħaddem ikun obbligat jimxi mal-miżuri adottati li jemmen li jistgħu jkunu varji, għaliex filwaqt li kull miżura trid tkun mibnija fuq il-premessa tar-rispett reċiproku u l-bilanċ bejn il-ħaddiem u min iħaddmu, hemm ħafna modi kif dan id-dritt jista’ jiġi assigurat.

Sport