Fi kważi 30 sena, eżattament mis-sean 1993 ‘lhawn hu kkalkulat li xejn inqas minn 48,000 persuna tilfu ħajjithom waqt li kienu qed jippruvaw jidħlu fl-Ewropa fil-vjaġġ ta’ tama għal ħajja aħjar. Proprju fl-aħħar jiem kellna l-imwiet ta’ żewġ itfal. F’ċirkostanzi differenti imma marbutin mal-immigrazzjoni. Kellna l-mewt traġika ta’ tifla ta’ tlett xhur li mietet fiċ-ċentru tar-refuġjati ta’ Ter Apel fl-Olanda. Fil-Mediterran, kellna l-mewt ta’ Loujin, tifla ta’ 4 snin li kienet ilha 10 ijiem f’dgħajsa f’nofs il-Mediterran. Intalbet l-għajnuna meta kienet fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Intbagħat vapur ftit bogħod imma s-salvataġġ dam ma sar għal minn tal-inqas jumejn wara. Din it-tarbija mietet bil-għatx. Oħtha ta’ sena u nofs tinsab f’qagħda kritika. Magħhom mara bi tmien xhur tqala tilfet it-tarbija. Dawn kienu immigranti li għamlu jiem sħaħ bil-ġuħ u bil-għatx. Għal ammont ta’ ħin xorbu l-ilma baħar.
Mewt ta’ tifla li f’dan pajjiżna ftit li xejn tkellimna hawn. Mewt ta’ tifla li seħħet għax għamlet ħin twil bil-għatx u bla ikel. Ħin twil li ħdejhom isegwi kien hemm bastiment. Imma ħadd ma offra għajnuna f’ikel u ilma lil dawk is-60 persuna fosthom tfal.
Fuq din il-mewt spikka skiet assolut. Anzi fuq il-midja soċjali rajna min jagħmel ‘uċuħ daħkana’ mal-aħbar u mar-ritratt li kien juri lil din il-vittma ta’ 4 snin. Kien hemm min għadda kumment bħal ‘fil-baħar hemm il-bram bil-ġuħ”. Kien hemm kummenti bħal ‘hemm il-lampuki ikollhom x’jieklu”.
M’hemm ebda dubju kummenti mill-aktar kattivi. Kummenti li meta taqrahom ma tistax ma tistaqsix fejn spiċċat l-umanità tagħna. Fejn hi s-solidarjetà? Possibbli spiċċajna f’dan il-punt fejn hawn min jieħu gost u joqgħod jidħak għax tmur persuna Afrikana? Possibbli spiċċajna fil-punt li ngħidu jiġrilhom li jrid, ma jinteressaniex?.
X’moralità hi din? Dan hu sintomu li jurik li għandna elementi fis-soċjetà tagħna li huma morda – tilfu l-umanità u l-morali tagħhom. Sintomu ta’ elementi fis-soċjetà bla empatija. Sintomu ta’ elementi fis-soċjetà li saru egoisti, li qed iwarrbu u jarmi fiż-żibel l-umanità, u dan minħabba preġudizzji ta’ xi wħud fostna. Elementi fis-soċjetà li ma jinteressahomx minn dawk li huma differenti. Elementi fis-soċjetà li tiġi taqa’ u tqum jekk dawn jgħixux. Soċjetà li mhix lesta tgħin biex ittaffi t-tbatija ta’ dawn.
Qegħdin ngħixu f’soċjetà li lesta imma tagħti l-flus biex jibqgħu f’pajjiżhom. Hemmhekk issibna nagħtu l-flus. Donnu saret drawwa li dak li jkun iserraħ il-kuxjenza tiegħu billi jdaħħal idu fil-but u jitfa’ dak li jkollu biex imur għal dawn il-persuni, basta ma jiġux ‘l hawn.
Quddiem dan, irridu nistaqsu għaliex seħħ dan? Għaliex aktar mhu jgħaddi żmien aktar is-sitwazzjoni qed tiddiġenera? Għaliex il-mibegħda lejn dawk li huma Afrikani, Asjatiċi u oħrajn qed tiżdied f’pajjiżna?
Nemmnu li r-risposta qiegħda fil-mod kif qegħdin jaġixxu l-politiċi tagħna. Politiċi li ssib il-preżenza tagħhomm f’affarijiet frivoli, imma quddiem it-traġedji fil-Mediterran…quddiem il-mewt ta’ din it-tifla, ta’ dik l-omm li tilfet it-tqala u imwiet oħrajn, ma nisimgħu ebda dikjarazzjoni.
Kulħadd sieket. Jiddispjaċina ngħidu li anke min tistenna li jitkellem f’sitwazzjonijiet simili biex juri li l-attitudni li qed tiġi adottata hi ħażina, qiegħed sieket. Skiet, li nemmnu li qed iwassal biex elementi fis-soċjetà tagħna, ikomplu jobżqu l-ħdura u l-mibegħda qisu xejn mhu xejn.
Irridu ngħidu ukoll mas-skiet ta’ Malta, hemm il-vuċijiet estremisti fl-Ewropa. Fi Franza saret xi ħaġa normali li tisma’ retorika razzista f’kampanji tal-elezzjoni. Fl-Iżvezja li se jkunu qed jagħmlu l-elezzjoni kien hemm żieda fil-popolarità għal partit tal-lemin estrem, fl-Italja ukoll partit tal-lemin estrem żied fil-popolarità.
L-istess sitwazzjoni insibuha fl-Unjoni Ewropea. Pajjiż li qed twarrab dejjem aktar il-prinċipji tas-solidarjetà li hi mibnija fuqhom biex tagħmel aktar Ewropa fortizza, b’ħitan fuq il-fruntieri bil-għan li żżomm l-immigranti milli jersqu lejn il-fruntieri. M’hemm ebda dubju li din hi politika li falliet. Mhux biss, imma qiegħda dejjem toqtol aktar nies.
Il-valur tal-umanità għandu jkun dak li jiggwida fejn tidħol migrazzjoni u salvataġġi.