Saturday, December 14, 2024

Il-mexxej militari ġdid ta’ Burkina Faso jagħmel l-ewwel diskors wara l-kolp ta’ stat

Aqra wkoll

Il-mexxej militari ġdid ta’ Burkina Faso wiegħed li l-pajjiż se jirritorna għal ordni kostizzjonali meta “l-kundizzjonijiet jippermettu dan”. Il-Logutenent Kurunell Paul-Henri Damiba kien mexxa l-ammutinament kontra l-President Roch Kaboré nhar it-Tnejn li għadda. Fl-ewwel diskors tiegħu, Damiba qal li l-Roch kien naqas milli jikkontrolla l-vjolenza kkawżata minn militanti Iżlamiċi li infiltraw fl-pajjiż. 

Id-diskors ta’ Damiba sar qabel summit li ġie msejjaħ b’emerġenza fost il-kapijiet tal-Punent tal-Afrika proprju minħabba s-sitwazzjoni li qiegħda tiżvolġi ġewwa Burkina Faso. Burkina Faso huwa t-tielet pajjiż fil-Punent tal-Afrika li f’dawn l-aħħar xhur esperjenza kolp ta’ stat militari.

Minkejja kundanna internazzjonali għal dak li seħħ, Damiba qal li Burkina Faso għandha bżonn sħab internazzjonali “iktar minn qatt qabel” biex terġa’ lura għan-normalità. Il-Kurunell qal li fil-jiem li ġejjin huwa se jkun qiegħed jiltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ setturi varji tas-soċjetà u magħhom se jkun qiegħed jiddiskuti t-triq li l-pajjiż jeħtieġ li jaqbad. 

Ekonomija

Sport