Friday, November 15, 2024

Il-mexxej militari tal-Myanmar ikompli jsaħħaħ il-ħbiberija ta’ pajjiżu mar-Russja

Aqra wkoll

Il-mexxej tal-ġunta mili­tari tal-Myanmar reġa’ żar ir-Russja – it-tieni darba f’xahrejn – u dan hekk kif it-tmexxija militari tal-pajjiż qiegħda tipprova ssaħħaħ il-ftit alleanzi diplomatiċi li għandha hekk kif il-pressjoni internazzjonali fuqhom qiegħda kulma jmur tiżdied. 

Il-Ġeneral Min Aung Hlaing ma tħalliex jirrappreżenta lil Myanmar f’ħafna mil-laqgħat internazzjonali li saru u dan hekk kif ħafna pajjiżi mhux qed jirrikonoxxuh bħala l-mexxej tal-Myanmar wara l-kolp ta’ stat fejn fih tneħħa l-gvern demokratiku ta’ Aung San Suu Kyi. 

L-ewwel żjara ta’ Hlaing lejn Moska kienet saret f’Ġunju tas-sena li għaddiet meta dakinhar iż-żewġ pajjiżi kienu qablu li jsaħħu l-koperazzjoni militari. Imbagħad huwa kien reġa’ żar il-pajjiż f’Lulju li għadda f’dik li kienet deskritta bħala żjara privata, u issa fl-aħħar sigħat ġie rrapportat li Hlaing reġa’ jinsab ir-Russja. 

Ir-Russja kienet fost l-ewwel pajjiżi li wriet l-appoġġ tagħha lejn il-ġunta militari wara l-kolp ta’ stat, u dan fi żmien meta l-komunità internazzjonali kienet qiegħda tikkritika din l-aggressjoni. 

F’din l-iktar żjara riċenti, Hlaing mistenni li jattendi għal summit ekonomiku kif ukoll jiltaqa’ ma’ numru ta’ ministri u uffiċjali militari Russi biex “tissaħħaħ l-koperazzjoni” bejn iż-żewġ pajjiżi. Fl-aħħar snin ir-Russja għenet ħafna lill-Myanmar fejn anke pprovdiet il-vaċċin tal-Covid-19, u issa dawn iż-żewġ pajjiżi mistennija jilħqu ftehim dwar il-provvista ta’ gass u fjuwil biex b’hekk il-Myanmar ma jkollux nuqqas ta’ provvista fid-dawl ta’ dak kollu li għaddej ġewwa l-Ukrajna. 

Ekonomija

Sport