Il-mexxej tal-kolp ta’ stat tan-Niġer ippropona tranżizzjoni ta’ tliet snin għal ħakma ċivili fi tmiem laqgħa li kellu ma’ delegazzjoni ta’ mexxejja tal-Afrika tal-Punent. Huwa wissa li kwalunkwe attakk fuq il-pajjiż mhux se jitħalla għaddej qisu xejn mhu xejn.
Il-Ġeneral Adbourahmane Tchiani, li tkellem fuq l-istazzjon nazzjonali tal-pajjiż tard is-Sibt filgħaxija, ma ta l-ebda dettalji dwar it-tranżizzjoni ppjanata tal-poter iżda qal biss li l-prinċipji wara dan kollu se jiġu deċiżi fi żmien 30 jum fi djalogu li għandu jiġi organizzat mill-kunsill militari li qiegħed fit-tmexxija.
“La l-Kunsill Nazzjonali tas-Salvagwardja tal-Patrija u lanqas in-nies tan-Niġer ma jridu gwerra, u nibqgħu miftuħa għad-djalogu,” qal Tchiani wara l-ewwel laqgħa tiegħu mal-membri tad-delegazzjoni tal-ECOWAS fil-kapitali tan-Niġer, Niamey. “Iżda ejja nkunu ċari. Kieku kellu jsir attakk kontra tagħna, mhux se jkun faċli kif xi wħud jaħsbu.
L-ECOWAS imponiet sanzjonijiet ħorox fuq in-Niġer wara l-kolp ta’ stat tas-26 ta’ Lulju u ordnat l-iskjerament ta’ “forza fuq bażi standby” biex tirrestawra t-tmexxija kostituzzjonali fil-pajjiż.
Fid-diskors tiegħu ta’ 12-il minuta, Tchiani sostna li l-ECOWAS kienet “lesta tattakka lin-Niġer billi twaqqaf armata okkupanti f’kollaborazzjoni ma’ armata barranija” u ddenunzja dak li sejjaħ bħala “sanzjonijiet illegali u inumani” imposti minnha.