Aktar minn 160 Sindku, Kunsilliera u rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-gvernijiet lokali u reġjonali minn madwar l-Ewropa nġabru Malta għal-Leaders’ Summit 2025 tal-Kunsill tal-Munisipji u r-Reġjuni tal-Ewropa (CEMR), ospitat mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ta’ Malta. Matul l-avveniment, il-CEMR ikkonferma t-tmexxija tal-presidenza għall-mandat 2026–2028.
Din il-konferma tirrifletti impenn b’saħħtu lejn stabbiltà, kontinwità u azzjoni kollettiva fi żmien meta t-territorji Ewropej qed jiffaċċjaw bidliet demografiċi mgħaġġla, instabbiltà ġeopolitika u prijoritajiet ta’ investiment li qegħdin jinbidlu.
Il-bidla demografika fil-kontinent Ewropew fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet
Id-dibattiti politiċi tas-Summit enfasizzaw dwar l-impatt profond tat-tranżizzjonijiet demografiċi madwar l-Ewropa. Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi Malti Clyde Caruana enfasizza r-realtajiet li qed tiffaċċja Malta bħala gżira ffurmata daqstant mill-mobilità u minn bidliet mgħaġġla fil-popolazzjoni.
Il-ġurnalist u fundatur ta’ Friends of Europe Giles Merritt wissa’ li “ix-xjuħija, d-depopolazzjoni rurali u l-pressjonijiet fuq l-akkomodazzjoni qegħdin jiffurmaw sfida strutturata għall-prosperità futura tal-Ewropa”.
Il-Panel kien wieħed ta’ livell għoli bil-parteċipazzjoni fost l-oħrajn ta’ Kadri Uustal, Kap tat-Taqsima fid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DG REGIO), Alison Zerafa Civelli, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali fi ħdan il-Ministeru tal-Kultura, l-Arti u l-Gvern Lokali; Giorgos Papanastasiou, membru tal-KEDE u Sindku ta’ Agrinio fil-Greċja u Juhani Jaeger, Kunsillier Municipali ta’ Elva, Estonja u rappreżentant tal-AECM. Dan il-panel esplora kif pressjonijiet demografiċi – tnaqqis fir-rata tat-twelid, bliet li qegħdin jiċkienu, nuqqas ta’ ħaddiema u żbilanċ fl-iżvilupp territorjali – jeħtieġu governanza f’diversi livelli u politika konsistenti u fit-tul.
Il-gvernijiet lokali jitolbu rwol ċentrali fil-formazzjoni tal-Baġit il-ġdid tal-UE
Fit-tieni jum tas-Summit, id-diskussjoni ffukat fuq il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2028–2034. Il-kontribuzzjonijiet ta’ Zsolt Darvas; minn Bruegel, John Mallia; President tal-Federazzjoni Kooperattiva Maltija, Jan Olbrycht; eks MEP u ko-rapporteur tal-Baġit 2021–2027, Sigrid Sengers Sindku ta’ Druten, fl-Olanda, u Carlo Borghetti; Kunsillier fir-Reġjun tal-Lombardija, fl-Italja kkonfermaw għan komuni: li l-prijoritajiet tal-Baġit tal-UE jirriflettu tassew il-bżonnijiet tat-territorji tagħha.
Il-kelliema saħqu li l-koeżjoni u l-kompetittività għandhom imorru id f’id, u li l-Baġit tal-UE għandu jirrikonoxxi r-realtà operattiva tal-gvernijiet lokali u reġjonali, li jimplimentaw aktar minn 70% tal-leġiżlazzjoni tal-UE u jimmaniġġjaw aktar minn nofs l-investiment pubbliku.
Nibnu l-Ewropa mill-pedament
Fil-messaġġ konklussiv tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-CEMR Fabrizio Rossi enfasizza li s-Summit saħħaħ l-impenn politiku kondiviż fost it-territorji kollha tal-Ewropa. Huwa tenna li l-CEMR se tkompli tippromwovi governanza fuq diversi livelli, tappoġġja investimenti Ewropej li jirriflettu r-realtajiet tat-territorji kollha, tindirizza d-differenzi demografiċi u soċjali u tiddefendi l-valuri demokratiċi fejn l-aktar meħtieġ: Fuq livell lokali u reġjonali.
Is-Summit infetaħ minn Mario Fava, President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, li enfasizza li “il-pressjonijiet demografiċi, il-fratturi territorjali u l-bidliet fil-prijoritajiet tal-UE juru li l-futur tal-Ewropa jibda fuq livell lokali. Hekk kif jifforma l-QFP 2028–2034, il-bliet u r-reġjuni għandhom ikunu ko-awturi — mhux joffri l-ħsibijiet sekondarji.”
L-introduzzjoni kienet tinkludi wkoll id-diskors tas-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay, li enfasizza li:
“It-tranżizzjonijiet tal-lum jeħtieġu l-istess istint li bena l-belt tagħna. Qegħdin niffaċċjaw bidla demografika, u hekk kif l-Ewropa tfassal il-baġit il-ġdid tagħha, il-bliet għandhom ikunu ko-awturi tal-aġenda Ewropea. Dak hu l-ispirtu ta’ dan is-Summit.”
Konfermata t-tmexxija tal-CEMR għall-mandat 2026–2028
• Gunn Marit Helgesen, President tal-CEMR; President tal-Assoċjazzjoni Norveġiża tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali (KS); Membru tal-Kunsill Reġjonali tal-Kontea ta’ Telemark
• Philippe Laurent, Ko-President tal-CEMR; President tal-AFCCRE; Sindku ta’ Sceaux; Viċi President ta’ Territoire Vallée Sud – Grand Paris; Membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Ile-de-France
• Christoph Schnaudigel, Ko-President tal-CEMR; President tas-Sezzjoni Ġermaniża tal-CEMR (RGRE); President tal-Kontea ta’ Karlsruhe
• Vince Maple, Chairman tal-Kumitat għall-Ġestjoni Finanzjarja tal-CEMR; Kunsillier ta’ Medway; Viċi President tal-CEMR (Assoċjazzjoni tal-Gvern Lokali, Renju Unit)
Il-CEMR ħabbar ukoll il-ħatra ta’ 24 kelliem ġdid, li se jservu bħala vuċi politika tal-gvernijiet lokali u reġjonali fuq suġġetti ewlenin bħall-Baġit tal-UE, il-politika ta’ koeżjoni, id-demokrazija, it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, l-iżvilupp territorjali u l-kooperazzjoni internazzjonali.


