L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra 152,818-il moviment tal-passiġġieri x-xahar li għadda, li jsarrfu fi tnaqqis ta’ 80.9% fit-traffiku tal-passiġġieri meta mqabbel ma’ Lulju 2019.
Filwaqt li Lulju tradizzjonalment jagħti bidu għall-aktar perjodu impenjattiv tas-sajf għall- ajruport, f’Lulju li għadda l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta reġa’ ta bidu għall-operat kummerċjali tiegħu bi skeda ta’ titjiriet limitata u impenn imsaħħaħ lejn is-saħħa u s-sigurtà tal-passiġġieri, wara għeluq ta’ tliet xhur minħabba l-imxija tal-Covid-19. In-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta x-xahar li għadda kien bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għat-traffiku tal-ewwel ġimgħa ta’ Lulju 2019.
Dan it- tnaqqis fin-numru tal-passiġġieri ġie osservat flimkien ma’ tnaqqis ta’ 70.3% u 72.1% fil- movimenti tal-ajruplani u l-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet, rispettivament. Is-seat load factor (SLF) għax-xahar, li jkejjel il-persentaġġ ta’ postijiet okkupati fuq titjiriet operati minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, kien ta’ 59.7%. Analiżi tat-traffiku tal-passiġġieri mwettqa minn Airports Council International (ACI), uriet li, fuq medja, l-ajruporti Ewropej irrappurtaw tnaqqis ta’ 78% fin-numru ta’ passiġġieri tagħhom f’Lulju li għadda.
Skont l-istess analiżi, l-Italja, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u Franza, erba’ pajjiżi li kienu fost l-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, irreġistraw tnaqqis fin-numri tal-passiġġieri tagħhom li varja bejn 74% u 87%. L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jixtieq itenni l-appell tiegħu lil dawk li ser isiefru dalwaqt sabiex jikkooperaw u jirrispettaw lil passiġġieri oħrajn u lill-istaff tal-ajruport billi jilbsu l- maskra, iżommu distanzi xierqa u jaħslu idejhom ta’ spiss. Persuni li ser isiefru fil-jiem li ġejjin huma mfakkrin jimlew u jissottomettu kwalunkwe formula meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jidħol f’pajjiż qabel ma jaslu l-ajruport.
Għal aktar informazzjoni dwar dan, tista’ żżur https://www.maltairport.com/covid19/. Il-kumpanija tixtieq tirringrazzja lill-impjegati tagħha kif ukoll persuni oħrajn li jaħdmu l- ajruport tal-ħidma tagħhom sabiex jipprijoritizzaw aktar minn qatt qabel is-saħħa u s-sigurtà tal-passiġġieri li jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.