Saturday, November 16, 2024

Il-migrazzjoni tema ewlenija fil-kampanja elettorali fir-Renju Unit

Aqra wkoll

Minkejja l-isfidi soċjali u ekonomiċi li r-Renju Unit qed bħalissa jiffaċċja partikularment l-inflazzjoni u d-disturb industrijali fil-qasam tas-saħħa b’sensiela ta’ strajkijiet mit-Tobba, it-tema ewlenija f’din il-kampnja elettorali għall-elezzjoni tal-4 ta’ Lulju li ġej kollox jindika li se tkun l-immigrazzjoni.

Fi tmiem il-ġimgħa, il-Partit Laburista wiegħed li jekk jirbaħ il-poter ibaxxi l-migrazzjoni netta, jiġifieri n-numru ta’ nies li jidħlu mnaqqas minnu n-numru ta’ dawk li jitilqu mill-pajjiż.

Min-naħa tagħhom, il-Konservattivi qed iwiegħdu limitu għall-immigrazzjoni mingħajr ma jistabbilixxu numru.

Storikament, il-migrazzjoni netta lejn ir-Renju Unit hija enormi. Fl-2022, taħt il-Konservattivi, intlaħaq l-ogħla livell rekord ta’ 764,000. Il-Konservattivi qed jgħidu li dan l-ammont niżel b’10% is-sena l-oħra. Iżda dan huwa tnaqqis mill-ogħla livell li qatt sar minkejja li n-numru għadu wieħed għoli ħafna.

Huwa ġeneralment maħsub li l-migrazzjoni netta se tonqos parzjalment fil-ftit snin li ġejjin hekk kif il-viżi tal-istudenti jispiċċaw. Il-gvern issikka wkoll ir-regoli għad-dipendenti tal-immigranti li jidħlu fil-pajjiż u anki żied il-limiti fuq is-salarji.

Dr Madeleine Sumption mill-Osservatorju tal-Migrazzjoni ta ‘Oxford qalet lill-BBC fi tmiem il-ġimgħa li hi tistenna li l-migrazzjoni netta taqa’ b’mod sostanzjali irrispettivament minn min jirbaħ l-elezzjoni.

Għalhekk f’dak is-sens il-prim ministru Rishi Sunak argumenta li l-pjan tal-gvern tiegħu qed jaħdem. Iżda l-Labour huwa preċiż ukoll meta jindika l-migrazzjoni netta żdiedet b’mod sinifikanti taħt il-Konservattivi.

Il-proposta tal-Konservattivi tal-limitu tal-immigrazzjoni tbiddel deċiżjoni li ħa l-partit fil-gvern, meta rriforma s-sistema tal-immigrazzjoni bħala parti mill-Brexit.

Lura fl-2018, il-Kumitat Konsultattiv tal-Migrazzjoni kien rrakkomanda li għandu jitneħħa l-limitu ta’ dak iż-żmien fuq kemm jidħlun fil-pajjiż ħaddiema tas-sengħa barranin. Dak huwa l-istess korp li l-partit konservattiv issa qed jgħid li jitolbu jirrakkomanda limitu ġdid, jekk Rishi Sunak jerġa jkun prim ministru.

Grupp ta’ akkademiċi ewlenin snin ilu kienu wissew lill-gvern li l-limitu fuq l-immigrazzjoni joħloq inċertezza fost min iħaddem u ma tantx jagħmel sens li migrant jiġi pperċepit bħala ta’ valur jgħal żmien qasir.

L-istess akkademiċi kienu sostnew ukoll li jekk il-Gvern irid inaqqas in-numri tal-migrazzjoni jagħmel aktar sens ekonomiku li jagħmel dan billi jvarja l-aspetti l-oħra tal-iskema.

F’Diċembru 2020, il-gvern neħħa l-limitu hekk kif introduċa viża ġdida għall-ħaddiema tas-sengħa wara l-Brexit. Minn dakinhar, l-Uffiċċju tal-Intern kellu kontroll sħiħ fuq kemm jinħarġu viżi lil barranin.

Il-mexxej tal-partit Riforma Ġida tar-Renju Unit, Nigel Farage, li hu magħruf sew għall-feroċita tiegħu biex ir-Renju Unit jitlaq mill-Unjoni Ewropea tant li kien imlaqqma ‘Mr Brexit’ tul din il-kampanja qed isostni b’mod qawwi li r-Renju Unit għandu jimmira għal migrazzjoni netta “żero”. Madankollu jgħid li s-sistema għandha tibqa xorta tippermetti ħaddiema tas-sengħa jidħlu fir-Renju Unit.

Ekonomija

Sport