Kitba ta’ Loreto J. Dalli
Il-Milied hija festa vaganza ċċelebrata l-iktar fil-25 ta’ Diċembru biex tfakkar it-twelid ta’ Ġesù, il-figura ċentrali tal-Kristjanità. Mhuwiex magħruf jekk din il-ġurnata hix tassew il-ġurnata tat-twelid ta’ Ġesù imma jista’ jkun li ħadet post il-festa qadima tas-solistizju tax-xitwa fil-kalendarju antik Ruman. Minkejja li l-Milied hija predominantement festa Nisranija, din tiġi ċċelebrata minn ħafna nies li mhumiex ta’ twemmin Nisrani. Fost id-drawwiet popolari marbuta mal-Milied insibu l-għoti tar-rigali, il-Father Christmas, il-mużika u l-għanjiet tal-Milied, kartolini b’xewqat, ċelebrazzjonijiet reliġjużi bħall-quddies ta’ nofs il-lejl, ikel speċjali, u dekorazzjonijiet varji bħas-siġra tal-Milied, dwal, girlandi, mistletoes, presepji, u l-holly.
Meta tqabbilha ma’ pajjiżi oħra Ewropej, Malta għadha tiċċelebra Milied Nisrani, minkejja li diversi drawwiet barranin daħlu ukoll. Għal ħafna anzjani, nies ta’ mezza età u tfal il-Milied għadu wieħed reliġjuż b’diversi attivitajiet reliġjużi organizzati fl-iskejjel u mis-Soċjetà tal-MUSEUM. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-ġenerazzjoni żagħżugħa għalkemm numru ta’ żgħażagħ imorru l-Quddiesa ta’ Nofs il-Lejl tal-Milied.
In-Novena
Kienu d-Dumnikani tal-Belt Valletta li fi żmien il-Kavallieri bdew jagħmlu n-Novena, disat ijiem ta’ tħejjija għall-Milied b’Quddiesa kantata kuljum. Wara ħafna żmien bdiet fil-parroċċi mmexxija mil-Kleru Djoċesan. Illum ħafna parroċċi jiċċelebraw in-novena fil-quddiesa ta’ filgħaxija bis-sehem tat-tfal tad-duttrina u għaqdiet oħra.
F’Lejliet il-Milied, waħda mit-tradizzjonijiet unikament Maltija hija d-dimostrazzjoni jew aħjar il-purċissjoni bil-Bambin. Kien il-Qaddis Malti, San Ġorġ Preca, li fl-1921 ħa ħsieb li f’kull raħal u belt, it-tfal li jattendu l-Mużew jibdew jieħdu sehem fil-purċissjoni bil-Bambin.
Il-persuna ta’ Ġesù Kristu ħalliet impatt kbir fuq il-ħajja ta’ miljuni kbar ta’ nies matul l-aħħar 20 seklu iżda minn żmien għal żmien il-messaġġ tiegħu jkun imħabbar b’mod differenti. Kien għalhekk li Dun Gorg Preca ħass il-bżonn li joħloq demostrazzjoni biex dawk li jemmnu ma jintilfux fir-rigali u l-festin iżda jifhmu ferm aħjar il-messaġġ ta’ paċi li Kristu ta lill-bendmin
Fil-Musewjiet ta’ Malta fejn jattendu ħafna tifel nħasset sew l-atmosfera tal-Milied filwaqt li kienu għaddejjin bil-preparazzjonijiet biex jieħdu sehem fid-demostrazzjoni.
Is-Superjur tas-Soċjetà Musewmina, qalilna li din id-dimostrazzjoni ssir kull fejn il-Mużew huwa preżenti fl-irħula u l-ibliet fil-Gżejjer Maltin iżda mhux biss għax anki fejn l-oqsma tal-Museum jinsabu fl-artijiet tal-missjoni. Huwa spjega li l-membri tal-Museum ma jħsarsux lejn din id-demostrazzjoni bħala tradizzjoni iżda għalihom hija festa attwali għax il-messaġġ ta’ Kristu huwa importanti ħafna għan-nies tal-lum li huma aljenati ferm aktar illum milli kienu fi żmien Dun Ġorġ.
Il-Purċissjoni jew Dimostrazzjoni tal-Bambin
Il-qaddis Malti, San Ġorġ Preca, stinka ħafna biex tinxtered id-devozzjoni lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni. Sa mill-1920 ħa ħsieb li f’kull raħal u belt, lejlet il-Milied, tiġi organizzata “Dimostrazzjoni ad unur ta’ Ġesù Bambin”, użanza li daħlet sew fost id-drawwiet sbieħ tal-Milied Malti. Ix-xewqa tiegħu kienet li għall-Milied kull tifel u tifla li kienu jattendu l-M.U.S.E.U.M. jieħdu magħhom id-dar, grotta b’Ġesù Tarbija. Fl-1920, Dun Ġorġ kien ġabar lis-soċji tal-M.U.S.E.U.M. tal-Ħamrun biex jaqsam magħhom xewqa li kellu: li ssir dimostrazzjoni bil-Bambin tal-Milied fejn it-tfal u s-soċji f’lejlet il-Milied joħorġu mat-toroq tal-Ħamrun jgħajtu l-aħbar li Ġesù Bambin twieled għalina. Ix-xewqa tiegħu kienet li dawn joħorġu bħal f’purċissjoni bix-xemgħa f’idejn it-tfal u l-weraq tal-palm u ż-żebbuġ, iduru mat-toroq kollha tal-Ħamrun u jkantaw innijiet tal-Milied. Riedhom ukoll li jgħidu lil xi rġiel biex jiġu jimxu magħhom. Kellhom bżonn Bambin, u dan issellfuh mill-Belt, mill-Knisja tal-Franġiskani.
Minn dakinhar, il-purċissjoni bil-Bambin kibret u xterdet ma’ Malta u Għawdex u fl-artijiet l-oħra fejn hemm il-M.U.S.E.U.M.: l-Awstralja, il-Kenja, il-Perù, l-Ingilterra u l-Albanija. Il-qofol tal-purċissjoni hu bambin imdaqqas f’maxtura, bandalora bil-kliem Verbum Dei factum est, fanali tal-mantell biex jagħtu d-dawl u fanali bl-arkett bi kliem relattiv mal-ġrajja tal-Milied. Matul il-purċissjoni x’aktarx li jitkantaw għanjiet tradizzjonali. L-istrumenti kienu, u għadhom jintużaw f’xi nħawi, accordion u vjolini. Il-Purċissjoni tal-Bambin issir f’madwar 66 lokalità f’Malta, fil-parti l-kbira lejlet il-Milied. F’xi postijiet, l-iktar fejn il-MUSEUM, minbarra l-Qasam prinċipali, ikollu fergħa jew tnejn fejn isir it-tagħlim, issir purċissjoni fit-23 ta’ Diċembru biex il-membri mill-fergħat differenti fl-istess lokalità jgħinu lil xulxin billi l-purċissjoni titlob ftit xogħol mhux ħażin biex tiġi organizzata.
Għanjiet Maltin tal-Milied… Ninni La Tibkix Iżjed
Il-Benniena ta’ Ġesù Bambin jew, kif inhi magħrufa, in-‘Ninni la Tibkix Iżjed’, hija għanja mill-aktar magħrufa fost il-Maltin. Inkitbet fl-1846 mill-patri Ġiżwita Indri Schembri. Meta kitibha, dal-patri minn Ħal Luqa kien f’Alġeri u kitibha għal dawk il-Maltin li kienu emigraw lejn Tuneż. Saret popolari mindu bdiet titkanta fil-purċissjonijiet tal-Milied. Ta’ min jgħid li n-‘Ninni’ anke nqalbet bit-Taljan u titkanta fl-Italja.
Il-Milied dejjem kellu post speċjali ħafna fil-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-biċċa l-kbira tal-Maltin ġejjin minn trobbija kattolika u s’issa, il-Milied f’Malta għad għandu influwenza reliġjuża qawwija, b’numru kbir ta’ nies li għadhom jinġabru fil-knejjes tagħna biex jattendu l-quddiesa ta’ nofsillejl lejlet il-Milied.
Il-knejjes Maltin huma magħrufa għat-tiżjin artistiku tagħhom għall-festa tan-nattività partikolarment b’xeni mill-isbaħ tal-ġrajja ta’ Betlehem magħrufa bħala l-presepju, li ħafna minnhom jinbnew mill-parruċċani nfushom. Il-figurini tal-presepju, magħrufa aħjar bħala l-pasturi, jirrappreżentaw personaġġi li kienu preżenti fix-xena tan-nattività bħar-rgħajja, l-anġli u t-tliet slaten. Xi presepji huma wkoll operati mekkanikament bil-pasturi jwettqu diversi movimenti! Barra minn hekk, f’kull knisja nsibu statwa artistika ta’ daqs naturali, tat-tarbija Ġesù li ħafna drabi titpoġġa fuq l-altar prinċipali fil-quddiesa ta’ nofsillejl lejlet il-Milied. Tradizzjonalment, it-tliet figuri tas-slaten maġi jitqiegħdu fil-presepju nhar il-festa tal-Epifanija, fis-6 ta’ Jannar.
Presepji, grotti u bambini
L-eqdem presepju f’Malta kien inħadem fil-kunvent tal-patrijiet Dumnikani fir-Rabat fl-1617. Fil-monasteru tas-sorijiet Benedittini fl-Imdina għadna nistgħu naraw presepju li sar fl-1826. F’dan l-istess żmien inħadem l-ewwel presepju mekkanizzat f’Malta. Sar minn Antonio Muscat Fenech f’Ħal Qormi, u kien jitħaddem bit-taqtir tal-ilma. L-istil tal-presepju Malti ori[ina mill-istil Sqalli iżda matul iż-żmien inbidel. Fil-bidu l-pasturi kienu tat-tafal u mlibbsin id-drapp waqt li l-presepju nnifsu kien tal-gagazza jew tal-ġebel. Illum jintużaw pasturi magħmulin mill-plastik u huma artistiċi ħafna. Il-presepji magħmulin bil-karta pesta huma tant realistiċi u apprezzati.
Fi żmien l-Ingliżi, il-presepji minbarra l-kartapesta bdiet tintuża il-gagazza, faħam maħruq u materjal ieħor. Il-pasturi, minbarra l-Bambin, Marija u San Ġużepp kien ikun hemm ħafna oħrajn li jirrappreżentaw il-ħajja Maltija speċjalment tal-irħula. Fost il-persunaġġi kienu jdaħħlu: l-għannej, in-nissieġ, il-bidwi, taż-żaqq, tat-tanbur, taż-żavżava, is-sajjied, l-imgħaġġeb, tal-forn, ir-rieqed u oħrajn mill-ħajja maltija. F’dak iż-żmien daħlu pasturi magħmula mit-tafal u anke tax-xemgħa; f’dawn l-aħħar snin daħlu tal-plastika u materjal ieħor.
Bħala devot kbir tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni Dun Ġorġ Preca kellu mħabba kbira lejn il-presepju. Kull Milied huwa kien jarma f’kamartu presepju mdaqqas biex jimmedita quddiemu. Dun Ġorġ anki ried li, permezz tat-tfal li jattendu l-Oqsma tal-Museum, idaħħal id-drawwa tal-Presepju fost ħafna familji Maltin għax kien irid li s-soċji tiegħu jagħtu lit-tfal kollha qrib il-Milied presepju jew grotta bil-Bambin.
Illum il-presepju huwa tant popolari f’Malta li anke jsiru kompetizzjonijiet għall-isbaħ presepji. L-Għaqda ħbieb tal-Presepju tara li din id-drawwa tal-presepju tkompli tfakkarna fit-twelid ta’ Ġesù.
Organizzazzjoni volontarja mwaqqfa f’Malta fl-1986 u magħrufa bħala Għaqda Ħbieb tal-Presepju (Ħbieb tal-Presepju) qed iżżomm it-tradizzjoni tal-presepju Malti ħaj. Kull sena, fil-ġimgħat ta’ żmien il-Milied, din l-organizzazzjoni torganizza wirja nazzjonali ta’ madwar 100 presepju ta’ forom u daqsijiet differenti.
Il-presepji f’Malta ġew introdotti mill-Italja permezz tas-sinjuri u n-nobbli tal-gżira. Ma jidhirx li għall-bidu kienu tant popolari. L-ewwel presepju Malti dokumentat huwa maħsub li nbena f’Malta fl-1617 u kien jintwera fil-knisja tal-Patrijiet Dumnikani fir-Rabat. Fil-monasteru Benedittin ta’ San Pietru fl-Imdina nsibu wkoll presepju li jmur lura għall-1670. Dan għadu kkonservat tajjeb ħafna u mħares mis-sorijiet li jgħixu f’dan il-monasteru. Madwar l-istess żmien niltaqgħu wkoll mal-ewwel presepju f’Malta b’elementi li jiċċaqalqu u li kienu jaħdmu bl-ilma!
Hekk kif il-presepji saru aktar popolari, dawn saru wkoll aktar “Maltin”, b’dimensjonijiet li jixbhu lil dawk Taljani u snajja’ li ġew mibdula ma’ dawk lokali. Pereżempju, l-imtieħen tad-dqiq kienu u għadhom element popolari ħafna fix-xena tal-presepju Malti. L-ewwel pasturi Taljani importati kienu għaljin ħafna u l-Maltin komuni ma kinux jifilħu jixtruhom. Allura n-nies bdew jagħmlu l-figurini tagħhom stess minn tafal artab u ġibs. Xi wħud minn dawn il-pasturi għadhom jeżistu sal-lum għalkemm sfortunatament il-pasturi moderni issa spiss huma magħmula mill-plastik.
Fil-bidu tas-seklu 20, il-qassis qaddis Malti Dun Ġorġ Preca, fundatur ta’ soċjetà biex tgħallem id-duttrina Kristjana magħrufa bħala l-MUSEUM, beda numru ta’ inizjattivi biex jerġa’ jagħti l-ħajja lil ċerti tradizzjonijiet tal-Milied. Fosthom insibu it-tradizzjoni tal-bini tal-presepji fost it-tfal, u fl-1921 beda l-purċissjoni annwali tal-Milied tul it-toroq prinċipali tal-bliet u l-irħula Maltin. F’din il-manifestazzjoni li għada ssir sal-lum, tinġarr statwa ta’ Ġesù Bambin.
Fi nżul ix-xemx tal-24 ta’ Diċembru 1921, Triq Fra Diegu fil-Ħamrun, ir-raħal fejn kien jgħix Dun Ġorġ, kienet iffullata bit-tfal u bl-adulti lesti biex jieħdu sehem fl-ewwel purċissjoni tal-Bambin. F’dawk il-jiem, id-dwal tat-toroq kienu batuti ħafna f’Malta u għalhekk ħafna mill-parteċipanti ġabu l-fanali magħhom mid-dar, biex jgħinuhom jaraw it-triq tal-purċissjoni u biex jitfgħu d-dawl fuq l-istatwa ta’ Ġesù Bambin, miżmuma fuq l-ispalla minn erba’ rġiel żgħażagħ.
It-tipi differenti ta’ dwal li kienu jintużaw f’din il-purċissjoni kienu jinkludu dwal għal quddiem li kienu jaħdmu bil-gass, lampi taż-żejt użati fuq karrettuni tal-bdiewa u fanali tal-karti kkuluriti magħrufa bħala dwal Venezjani. Kienu jinġarru wkoll friegħi tal-palm u weraq taż-żebbuġ. Din l-inizjattiva ntgħoġbot u malajr saret popolari tant li nies minn kull età welldu din l-ispeċjalità Maltija li għadha ssir kull sena. Illum hija parti integrali miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied kwżi f’kull belt u raħal f’Malta u Għawdex.
L-importanza li jagħtu l-Maltin lill-Milied hija riflessa wkoll fil-mod kif id-djar tagħna huma mżejnin, mhux biss b’dekorazzjonijiet ta’ kull xorta imma anke permezz tal-istatwa ta’ daqs naturali tal-Bambin Ġesù mqiegħda fit-twieqi jew fil-gallariji u mixgħula billejl biex kulħadd ikun jista’ jammiraha. It-tiżjin tad-djar Maltin jinkludi wkoll tipi oħra ta’ dekorazzjonijiet konvenzjonali tal-Milied bħal kuruni, xemgħat, is-siġra tal-Milied u tiżjin ieħor illuminat
Tradizzjoni oħra, li probabilment hija unika għall-Gżejjer tagħna, hija dik taż-żrigħ tal-qamħ u żerriegħa oħra magħrufa bħala l-ġulbiena. Dawn jinżergħu f’kontenituri li jkun fihom tajjar jew ċana umda, madwar ħames ġimgħat qabel il-Milied. Dawn imbagħad jitħallew f’żona mudlama tad-dar, fejn ma jistgħux jintlaħqu mir-raġġi tad-dawl, sakemm iż-żrieragħ jarmu u jikbru f’rimja bajda li tixbah lil dik tal-ħaxix. Il-kontenituri bil-ġulbiena u l-qamħ mbagħad jiġu wżati biex iżejnu l-presepju u l-istatwa ta’ Ġesù Bambin, ġeneralment mill-ewwel ġurnata tan-novena tal-Milied jew nhar il-8 ta’ Diċembru.
Tradizzjoni oħra li x’aktarx insibu biss fil-Gżejjer Maltin hija dik magħrufa bħala l-prietka tat-tifel li hija speċi ta’ omelija magħmulha mit-tfal. Din ġeneralment tiġi pprietkata fil-quddiesa ta’ nofsillejl, fil-lejl tal-Milied minn tifel (illum tista’ jkun anke tifla), li normalment ikollhom bejn is-seba’ u l-għaxar snin. Din issir minflok il-prietka uffiċjali tas-saċerdot! It-tifel jitgħallem il-prietka bl-amment u jibda jipprattikaha numru ta’ ġimgħat qabel lejlet il-Milied. Il-ġenituri tat-tifel jew tat-tifla, spiss ikunu eċitati u nervużi dwar il-prestazzjoni ta’ wliedhom, peress li ġeneralment huma l-iktar li jkunu għenu lit-tifel jew lit-tifla tagħhom biex jitgħallmu l-prietka. Il-predikatur żgħir normalment jirrakkonta l-istorja tat-twelid ta’ Ġesù f’Betlehem u ħafna drabi jkunu mħeġġa jagħtu l-laqta tagħhom lill-prietka biex tmiss il-qlub tal-kongregazzjoni.
L-ewwel prietka dokumentata tal-lejl tal-Milied nafu li kienet dik ta’ George Sapiano fl-1883, u li kien abbati fil-parroċċa ta’ Sant’Andrija f’Ħal Luqa. Illum saret ukoll drawwa f’għadd ta’ knejjes li jorganizzaw pageant qasira tat-tfal li tkun tinkludi persunaġġi bħar-rgħajja, Maria u Ġużeppi li jġorru pupa bħala tarbija (li tirrappreżenta lil Bambin Ġesù) waqt li tinqara l-istorja tan-nattività. Dan kollu normalment jibda siegħa qabel il-Quddiesa Solenni tal-Milied f’nofsillejl.
Il-kultura tal-Milied Malti għandha wkoll numru ta’ innijiet lokali, li fost l-iktar popolari minnhom insibu “Ninni la tibkix izjed”. Litteralment, l-isem ta’ dan l-innu jfisser “orqod u tibkix aktar” u nkiteb mill-qassis Ġiżwita Malti, Dun Indri Schembri (1774-1862) minn Ħal Luqa għall-emigranti Maltin li kienu jgħixu f’Tuneż.
L-innijiet tal-Milied, huma popolari f’dan l-istaġun tal-festi, mhux biss waqt iċ-ċerimonji tal-Knisja iżda wkoll f’għadd ta’ kunċerti fl-iskejjel, fil-carol singing li jsir fid-djar tal-anzjani u fl-isptarijiet organizzat minn numru ta’ għaqdiet volontarji, kif ukoll waqt sessjonijiet u kunċerti korali minn korijiet stabbiliti, fil-knejjes ta’ diversi villaġġi.