Il-Milied huwa fost dawk il-festi li minkejja l-bidliet kbar fis-soċjetà, baqa’ punt ta’ riferiment qawwi fil-ħajja kollettiva tal-poplu Malti. Huwa żmien li jġorr fih tifkiriet, simboli u emozzjonijiet li jgħaqqdu ġenerazzjonijiet sħaħ. Iżda, il-Milied li kienu jgħixu n-nanniet tagħna ma kienx l-istess bħal dak li qegħdin ngħixu llum. Bejn il-passat u l-preżent hemm storja rikka ta’ użanzi, ta’ sfidi u ta’ adattament kontinwu li tirrifletti mhux biss il-fidi, iżda wkoll l-iżvilupp kulturali u soċjali tal-pajjiż.
Storikament, iċ-ċelebrazzjoni tal-Milied bdiet tieħu forma fis-sekli bikrin tal-Kristjaneżmu. Għalkemm it-Testment il-Ġdid ma jsemmi l-ebda data tat-twelid ta’ Ġesù, fis-seklu erbgħa l-Knisja Kattolika stabbiliet il-25 ta’ Diċembru bħala l-jum uffiċjali tal-festa. Din id-deċiżjoni kellha wkoll dimensjoni simbolika: il-Milied kien jikkonċiedi ma’ festi pagani marbuta mad-dawl u t-twelid mill-ġdid tan-natura. F’Malta, li ilha Nisranija sa minn żmien San Pawl, il-Milied daħal b’mod naturali fil-qalba tal-ħajja reliġjuża u komunitarja.
L-għaqda tal-familji
Sas-seklu 20, il-Milied Malti kien primarjament festa spiritwali u familjari. Il-preparazzjoni kienet tibda bl-Avvent, li kien perjodu ta’ stennija u dixxiplina bil-qofol tiegħu tkun il-Quddiesa ta’ Nofsillejl. Din il-quddiesa kienet aktar minn rit reliġjuż. Saret ukoll okkażjoni ta’ laqgħa soċjali, mument li fih ir-raħal jew il-lokalità kollha kienet tinġabar flimkien.
Ħafna anzjani minn tagħna għadhom jiftakkru mixjiet twal lejn il-knisja fil-kesħa tax-xitwa, bil-qalb mimlija devozzjoni u aspettattiva. Wara, tradizzjonalment, il-familji kienu jiltaqgħu madwar mejda sempliċi fejn aktar mill-ikel kien jgħodd is-sens ta’ għaqda. Għaqda li l-familji Maltin minn dejjem kienu jħobbu u jipprojiritizzaw. Għaqda li llum għadha mfittxija iżda diffiċli li tinkiseb minħabba stil ta’ ħajja differenti.
Quddies ta’ Nofsillejl
u l-priedka mit-tfal
Meta wieħed jitkellem dwar il-Quddies ta’ Nofsillejl ma jistax ma jsemmix użanza oħra li għal ħafna snin tat ton partikolari lill-Milied – il-Priedka tat-Tifel jew tat-Tifla fil-Quddiesa ta’ Nofsillejl. Dak it-tifel jew tifla ċkejkna li kienu jintgħażlu għal din il-priedka kienu jridu jimmemorazzaw paġni sħaħ. Minkejja li ma kienitx xi ħaġa faċli, għax il-kelma “priedka” minnha nnfisha turi li hemm ħafna x’wieħed jitgħallem, it-tfal kienu jidħlu għaliha bi ħġarhom għax kienet xi ħaġa speċjali li jintgħażlu għaliha.
Din it-tradizzjoni, li bdiet fis-seklu 19, kienet tagħti vuċi lit-tfal u tagħmel il-messaġġ tal-Milied aktar aċċessibbli u emozzjonali. Għalkemm illum din il-prattika forsi mhiex daqstant mifruxa daqs kemm kienet dari, xorta waħda għadha parti mill-memorja kollettiva ta’ ħafna Maltin.
L-evoluzzjoni tal-presepju:
Mill-kmamar tal-mużew
għal professjoni ta’ attrazzjoni
Il-presepju, wieħed mis-simboli l-aktar distintivi tal-Milied Malti, għandu post speċjali f’din l-istorja. Introdott f’Malta b’mod sistematiku fis-sekli 17 u 18, il-presepju sar forma ta’ espressjoni artistika u spiritwali. Fil-passat, il-presepji kienu jinbnew b’mezzi limitati iżda b’ħafna kreattività. It-tfal kienu jieħdu sehem attiv fil-bini tagħhom, jitgħallmu l-istorja tal-Milied waqt li jfassluhom b’idejhom stess. Il-Mużew kien il-qalba fejn kienu jsiru dawn il-presepji sempliċi imma sbieħ, mit-tfal Maltin u Għawdxin.
Illum il-presepju, bħal ħafna affarijiet oħra, għadda minn evoluzzjoni sħiħa fejn naraw xogħlijiet ta’ livell għoli li jattiraw eluf ta’ viżitaturi. Dawn tant saru elaborati u ta’ livell professjonali li f’ċerti każi saru attrazzjonijiet kulturali fihom infushom. Dan kemm għall-Maltin, kif ukoll għat-turisti li jkunu fostna f’dawn iż-żminijiet ta’ festi. F’dan ix-xahar tal-Milied u ġieli anke qabel, isiru diversi wirijiet f’lokalitajiet differenti u ħafna familji jerħulha jaraw it-talenti lokali espressi fil-presepji elaborati u mekkanizzati tal-lum.
Il-Milied fil-midja, it-teknoloġija u l-kummerċ
Mal-mogħdija taż-żmien il-Milied beda jinbidel ukoll taħt l-influwenza tat-teknoloġija u tal-midja. Ir-radju u aktar tard it-televiżjoni, daħħlu l-kunċett ta’ Milied “komuni”, b’kanzunetti, programmi speċjali u xandiriet li waslu f’kull dar.
Fl-istess ħin, il-kummerċjalizzazzjoni tal-festa bdiet tieħu spinta qawwija. Ir-rigali, li darba kienu sempliċi u simboliċi, saru ċentrali fiċ-ċelebrazzjoni u l-istaġun tal-Milied beda jinfirex fuq perjodu itwal, kultant sa minn kmieni fil-Ħarifa.
Festa ta’ tama u reżiljenza
Illum, il-Milied f’Malta huwa wkoll spettaklu pubbliku. Pjazez imdawla, swieq tal-Milied, kunċerti u attivitajiet organizzati mill-Kunsilli Lokali u mill-awtoritajiet saru parti mill-pajsaġġ staġjonali. Dawn l-inizjattivi ġabu magħhom enerġija ġdida u opportunitajiet ekonomiċi, inkluż it-turiżmu. Fl-istess waqt iżda, qajmu mistoqsijiet leġittimi: fejn spiċċat is-sempliċità ta’ din il-festa oriġinarjament reliġjuża u kemm għadu ċentrali l-messaġġ proprju tal-Milied f’dan kollu?
Huwa fatt li l-Milied ma kienx dejjem żmien ta’ abbundanza. L-istorja Maltija tfakkarna f’Milied diffiċli b’mod partikolari fi żmien il-Gwerra u anke wara. Minkejja n-nuqqas ta’ ikel, id-dlam tal-blackout u l-biża’ kontinwa, il-familji xorta kienu jippruvaw iżommu ħaj l-ispirtu ta’ din l-Festa. Kien jagħmlu dan anke b’ġesti żgħar u simboliċi. Dawn l-episodji jibqgħu xhieda tal-fatt li l-Milied, fil-qofol tiegħu, huwa festa ta’ tama u reżiljenza.
It-tradizzjoni li naħsbu fil-foqra…
Il-qalb tal-Milied għadha tħabbat
Fl-istess linja, ma jistax jiġi injorat l-aspett tas-solidarjetà. Tradizzjonalment, il-Milied kien żmien meta l-komunità kienet tiftakar aktar fil-foqra u fil-persuni fil-bżonn. Illum, minkejja l-istil ta’ ħajja mgħaġġel għadna naraw inizjattivi ta’ karità u volontarjat li jfakkru li l-qalb tal-Milied għadha tħabbat.
Hawn wieħed jasal għall-konklużjoni li l-Milied f’Malta qatt ma waqaf jevolvi iżda tradizzjonijiet importanti, għalkemm għaddew minn tibdil, baqgħu. Il-Milied huwa festa li ġġorr magħha kontrasti bejn is-sagru u s-sekulari, bejn il-privat u l-pubbliku, bejn it-tradizzjoni u l-innovazzjoni.
L-isfida tal-lum mhiex li nirritornaw lejn passat idealizzat iżda, li nsibu bilanċ ġdid li jżomm ħaj is-sinifikat tal-Milied. Għax irridu niftakru li fl-aħħar mill-aħħar, aktar mid-dwal u r-rigali, il-Milied jibqa’ festa li titkellem dwar l-għaqda, it-tama u l-umanità komuni tagħna. Festa tal-familja u tal-imħabba.

