Friday, December 20, 2024

Il-Milied u l-Palestina

Aqra wkoll

Il-Milied jinsab wara l-kantuniera. L-ispirtu tiegħu jinħass sewwa. Dwal, festini, kummerċ akbar mis-soltu filwaqt li l-postijiet tax-xogħol bħal donnhom jidħlu f’atmosfera kajmana fejn jirrigwarda ħidma normali. 

Żminijiet sbieħ sakemm quddiem għajnejk jiġuk xeni orribbli li juru dak li issa ilha s-snin twal għaddejja minnhom il-Palestina, l-art sinonima mat-twelid ta’ Ġesu Kristu. Ġrajjiet orribbli daqqa għal ħaġa u daqqa għal oħra, imma bil-poplu Palestinjan kontinwament jaqla’ fuq rasu mingħand Iżrael.

Ġenerazzjonijiet, waħda wara l-oħra, li ma jafux u ma esperjenzawx ħlief tifrik, bombi, imwiet, funerali ta’ kull ħin u jum. Ġenerazzjonijiet li qatt ma raqdu taħt saqaf diċenti. Ġenerazzjonijiet li ħajjithom kienet u għadha taħt it-tined. Mingħajr l-affarijiet bażiċi għal ħajja diċenti li għandu dritt għaliha kull uman.

Tistaqsi lilek innifsek: meta se jitgħallem il-bniedem li isbaħ mill-paċi m’hawnx? Kif jista’ jkun li dan ma jirrealizzawhx? Kif jista’ jkun li ma tistax tinstab soluzzjoni biex żewġ poplu ġirien jgħixu b’tolleranza lejn xulxin? Hu x’inhu t-twemmin reliġjuż jew politiku tagħhom. Għaliex irridu bilfors inħallu żewġ popli f’konflitt kontinwu? Konflitt imdemmi. Qerriedi. Għaliex, minkejja s-supremazija li dejjem kellu Iżrael, jgħid x’jgħid, għandu poplu jgħix f’tensjoni kontinwa? Kemm se ddum id-dinja tara l-qerda, il-qtil ta’ nies innoċenti? Kemm se ddum id-dinja tara wċuħ ta’ tfal imbikkma? Tfal li jisfaw orfni. Jiġġerrew qalb it-tifrik. Tfal li ma jitħallielhom ebda futur għajr dak mimli odju u mibegħda. Għax f’dak l-istat wasslithom il-ħajja li għexu sa minn twelidhom. Ma jafux mod ieħor.

Kemm se ddum id-dinja tippermetti li ġrajjiet bħal dawn jindraw u qisu xejn m’hu xejn? Jibqa’ għaddej kollox. Titħabbar ċifra ta’ kemm inqatlu tfal, xjuh, nisa u rġiel fl-aħjar ta’ ħajjithom, u titniżżel mal-ammont. U barra bid-daqq!

Meta se sseħħ “il-paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”? Imma, wara kollox, hemm rieda tajba? Wisq nibża’ li le, m’hemmx rieda tajba. Kieku hemm rieda tajba l-ewwel ma jsir huwa li ma jkunu provduti ebda armi. Għax x’jiswa’ li tappella għall-waqfien mill-ġlied u fl-istess nifs tipprovdi l-armi?

U sadattant id-dinja tiffesteġġja u biex tagħmel dan b’mod trankwill twarrab minn quddiem għajnejha lill-Palestina b’dak kollu li għaddejja minnu. 

Id-dinja jmissha tistħi.

[email protected]

%%%%%%%%%

Car park tal-mistħija

Ma nafx jekk qattx ipparkjat il-karozza fil-car park li hemm fir-Rabat Għawdex, taħt il-venda tal-karozzi tal-linja. Jekk le nissuġġerilek tużah biss, speċjalment jekk tkun ix-xita, jekk verament ma ssibx fejn tipparkja. L-art diżastru. Ħofra akbar minn oħra u jekk tkun ix-xita ovvjament ikunu mimlijin bl-ilma u ma tindunax kemm huma fondi, bil-periklu li tagħmel ħsara fil-qiegħ tal-karozza. Ovvjament malli tinżel mill-karozza m’għandek ebda ċans li mhux se tagħmel hekk jekk mhux fit-tajn u ċ-ċaflis. Litteralment tal-mistħija.

Nikkalkula li l-post jieħu madwar 200 karozza, imma ovvjament dawn jinbidlu u allura jkunu daħlu aktar minn 200 karozza kuljum. Ma tistax tgħid li l-prezz għall-ipparkjar huwa xi wieħed esaġerat, €2 u tista’ ddum kemm trid. Qaluli li jibbenefikaw mid-dħul tiegħu tliet klabbs tal-football tar-Rabat. Kif tista’ tara mir-ritratt mal-kanċell hemm l-isem ta’ wieħed minnhom. 

Ċertament li jdaħħlu kemxa flus mhux ħażin, li naħseb li tagħmel ferm aktar minn tajjeb biex jinġieb ftit ramel u jimtlew il-ħofor li hemm. Nimmaġina li l-art hija proprjetà tal-Gvern u jekk din se tibqa’ tintuża għall-iskop li qed tintuża bħalissa allura jmissha tingħata wiċċ sura ta’ nies. Anke jekk le, u forsi hemm xi proġett pjanat imma għadu ‘l bogħod, allura xorta għandha titranġa u tkun denja biex tintuża b’mod diċenti.

%%%%% 

Għall-attenzjoni tal-MCCAA

Żewġ esperjenzi li naħseb li jimmeritaw l-attenzjoni tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) għax fl-opinjoni tiegħi jolqtu ħażin lill-konsumatur. Waħda minnhom għaddihieli qarrej u oħra inzertajt kont preżenti għaliha u allura dwarha ma jista’ jmerini ħadd. Nibda b’dik tal-qarrej.

Il-famuża Black Friday u l-‘offerti’ abbinati magħha. Madwar 15-il ġurnata qabel il-Black Friday il-qarrej mar fi stabbiliment magħruf u għoġbu papoċċ partikolari. Ovvjament kellu l-prezz immarkat fuqu, li ma kienx wieħed irħis. Il-qarrej daħħal f’moħħu li la kienet qorbot sewwa l-Black Friday kien hemm il-possibiltà li l-prezz jitraħħas xi ftit, ikollu offerta marbuta miegħu la dakinhar jitraħħsu l-prezzijiet. Iddeċieda li jistenna. Waslet il-Black Friday u l-qarrej mar jittawwal. 

Balleċ kellu raġun u kien hemm offerta mal-papoċċ partikolari! Imma l-qarrej innota li kien tneħħa l-prezz oriġinali, floku twaħħal wieħed OGĦLA milli kien qabel imma bi skont ta’ 10% li fil-verità rrenda l-prezz OGĦLA milli kien QABEL il-Black Friday! Il-qarrej tbissem, ma xtarax u ċempel lili biex nirrakkontalkom l-istorja. Ma ngħidx liema hu l-istabbiliment mhux għax ma nemminx lill-qarrej imma la darba ma rajtx jien allura inżomm ftit lura.

Dwar it-tieni esperjenza mmur dritt għall-punt. Il-ħanut huwa l-fergħa tal-Melita li jinsab qrib Wied iċ-Ċawsli, Ħal Qormi, fit-triq li twasslek Ħal Luqa. Mobajl li jiswa’ kważi €170, mhux xi ħaġa ta’ barra minn hawn bil-prezzijiet tal-lum. Imma mhux dak il-punt.  Is-sabiħa hi li ovvjament mal-mobajl ix-xerrej ingħata charger. Kliem il-bejjiegħ: issa għal dan iċ-charger, dejjem jekk m’għandekx, trid tixtri plakka li tiswa’ ftit inqas minn €25! 

Dawn x’affarijiet huma? Kieku għidtli li mort nixtri charger BISS forsi nifhimha, u sa ċertu punt ukoll, imma li tixtri mobajl biċ-charger mingħajr plakka għalih ma nistax nifhimha! 

Ovvjament il-bejjiegħ, impjegat, m’għandu ebda tort fil-ħaġa. Imma li lill-konsumatur naraw kif nagħmlu biex nagħsru minnu kemm nistgħu ddejjaqni.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport