Saturday, December 21, 2024

“Il-Ministeru dejjem kien ċar mal-MUT… kollox lest għal sena skolastika ġdida”

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni nnota l-istqarrija maħruġa aktar kmieni mill-Malta Union of Teachers dalgħodu.

Il-Ministeru tenna li kollox huwa lest biex tibda sena skolastika ġdida, b’ħidma li saret u li tibqa’ għaddejja biex ikunu indirizzati l-isfidi kollha li jinqalgħu fis-settur.

Il-Ministeru afferma li dejjem lest li jiddiskuti mal-istakeholders kollha fis-settur edukattiv, kif hija prassi li ssir ukoll mal-union tal-għalliema, li matulhom il-prijorità tkun dejjem l-interess tal-istudenti u l-edukaturi.

Il-Ministeru dejjem tkellem mal-union li, fiċ-ċirkostanzi pandemiċi u bir-restrizzjonijiet meħtieġa, realistikament l-esiġenzi f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji jitolbu li numru ta’ għalliema tal-primarja jerġgħu jieħdu klassi tal-primarja b’mod temporanju, kif sar fis-sena skolastika li għaddiet.

L-istqarrija tkompli li t-taħdidiet dwar dan ilhom li saru u l-Ministeru dejjem kien ċar mal-union dwar kif se jsiru d-deployments, skont seniority, ta’ għalliema mis-servizz peripatetiku minħabba l-ħtieġa ta’ 82 għalliem għall-iskejjel tal-primarja, imma fl-aħħar ħin il-union biddlet il-fehma tagħha. Mis-servizz peripatetiku jintgħażlu għalliema tal-primarja biex jerġgħu jieħdu klassi tal-primarja, filwaqt li s-servizz peripatetiku xorta jibqa’ jingħata.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni temm jappella għall-kooperazzjoni ta’ dawk kollha involuti fis-settur edukattiv biex jingħata bidu għas-sena skolastika li jmiss u ma tkunx imxekkla l-edukazzjoni ta’ uliedna, speċjalment wara s-sagrifiċċji kollha mill-istudenti nfushom, mill-ġenituri tagħhom, u wkoll mill-edukaturi minħabba s-sitwazzjoni miġjuba mill-pandemija.

Ekonomija

Sport