Monday, May 13, 2024

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jappoġġja l-inizjattiva tal-istudenti Palestinjani tal-Kamra tal-Periti

Aqra wkoll

“Filwaqt li Malta tpoġġi lilha nnifisha minn ta’ quddiem fl-isforzi internazzjonali għall-paċi fil-Lvant Nofsani, l-Ukrajna u reġjuni oħra, il-gvern jilqa’ inizjattivi tas-soċjetà ċivili li jgħinu jtaffu t-tbatijiet tal-komunitajiet f’żoni ta’ kunflitt”. Waqt laqgħa mal-Kamra tal-Periti, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg faħħar lill-Kamra tal-Periti għall-kollaborazzjoni li se ssir mal-Università ta’ Birzeit, li qed jorganizzaw esperjenza edukattiva fl-arkitettura għal studenti Palestinjani tal-arkitettura f’Malta.

Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Kamra qed twaqqaf dak li jissejjaħ “pop-up studio” bi 15-il student Palestinjan tal-arkitettura, li dan is-sajf se jqattgħu ftit ġimgħat f’Malta fejn se jkunu qed jipparteċipaw fi programm edukattiv tal-prattika li ser jagħtihom l-opportunità li jaħdmu fuq numru ta’ proġetti ta’ arkitettura lokalment. Dan l-istudjo se jgħaqqad il-metodi tad-disinn Palestinjan ma’ dak Malti billi jgħaqqad l-aspetti arkitettoniċi u kulturali tagħhom. Dan il-proġett se jagħti lill-parteċipanti l-opportunità li jaħdmu flimkien u jaqsmu l-ideat, filwaqt li jistabbilixxu konnessjonijiet importanti fil-komunità arkitettonika internazzjonali.

Il-Kamra qed tappella lill-pubbliku sabiex jappoġġja dan il-proġett permezz ta’ forom differenti ta’ għajnuna, inkluż akkomodazzjoni u sponsorships tal-ivvjaġġar għall-istudenti Palestinjani, appoġġ tal-vjaġġar, riżorsi għall-istudjo u l-proġetti tiegħu, kif ukoll opportunitajiet ta’ konsulenza ma’ professjonisti lokali.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qed jipprovdi lill-Kamra tal-Periti bl-għajnuna konsulari meħtieġa biex jiffaċilita l-vjaġġi tal-istudenti lejn Malta, u appoġġ loġistiku ieħor.

Il-Ministru Ian Borg ħeġġeġ lill-individwi u lin-negozji li jistgħu jikkontribwixxu għal din l-inizjattiva biex jagħmlu kuntatt mal-Kamra u jagħtu l-għajnuna meħtieġa.

“L-impenn ta’ pajjiżna għall-paċi, ir-rispett reċiproku u l-ġenerożità lejn in-nies li jgħixu f’żoni ta’ kunflitt jintwera b’mod speċjali fis-suċċess ta’ kollaborazzjonijiet interkulturali bħal dawn. Permezz tal-impenji ta’ Malta f’fora internazzjonali differenti, inkluż l-irwol attwali tagħna mal-Presidenza tal-OSCE u s-sħubija tagħna fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, qed naffermaw lil Malta bħala aġent ta’ paċi ta’ min jafdaha fil-Mediterran u lil hinn. Irridu li s-soċjetà ċivili tagħna timxi fl-istess direzzjoni,” qal il-Ministru Borg.

Inizjattivi edukattivi mmirati lejn iż-żgħażagħ huma saħansitra aktar sinifikanti peress li jgħinu biex jitrawmu komunitajiet aktar b’saħħithom, temm jgħid il-ministru, hekk kif tenna t-twemmin tiegħu li l-edukazzjoni hija l-akbar ċavetta għall-paċi.

Il-President tal-Kamra tal-Periti, il-Perit Andre Pizzuto, tenna l-appell tal-ministru biex tittaffa t-tbatija tal-komunitajiet f’żoni ta’ kunflitt. Saħaq li r-rwol tal-periti jmur lil hinn mis-sempliċi tfassil tal-bini. “L-arkitettura hija dwar il-bini ta’ komunitajiet permezz ta’ ġesti kulturali fl-ispazju pubbliku li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jgħixu fih,” qal Pizzuto.

Il-Perit Pizzuto żied jgħid, “Li nistabbilixxu kollaborazzjoni b’saħħitha fost periti Mediterranji mhux biss issaħħaħ ir-rabtiet professjonali tagħna iżda wkoll tamplifika l-impatt kollettiv tagħna fuq l-iżvilupp reġjonali. Dan is-sajf, qed ngħinu lill-kollegi tagħna Palestinjani biex itejbu l-esperjenzi edukattivi tal-istudenti tagħhom permezz ta’ rikonoxximent internazzjonali.”

Biex tappoġġja din l-inizjattiva, ikkuntattja lill-Kamra tal-Periti bl-email fuq [email protected] jew permezz ta’ telefonati jew WhatsApp fuq +356 99 202 406.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport