Saturday, March 15, 2025

Il-Ministeru għall-Ambjent se jniedi website tal-ESG

Aqra wkoll

Malta qed issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala wieħed mill-mexxejja globali fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. Dan ġie ddikjarat mill-Ministru Miriam Dalli waqt il-Governance, Risk, Compliance and ESG Conference 2025, organizzata mill-Borża ta’ Malta, fejn spjegat ukoll li pajjiżna qed jagħmel il-qalba minn mudelli ta’ żvilupp b’użu intensiv tar-riżorsi għal approċċ aktar ċirkolari u responsabbli.

Waqt li tkellmet dwar kif Malta qed tittraduċi dawn l-għanjiet f’azzjonijiet konkreti, il-Ministru semmiet il-pjattaforma ESG li bħalissa qed isir xogħol fuqha sabiex jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji biex jirreġistraw il-kredenzjali tal-ESG tagħhom. Din l-inizjattiva tgħin lin-negozji jirrapportaw fuq bażi volontarja l-progress tagħhom f’oqsma bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-immaniġġjar tal-iskart u d-diversità fil-korpi governattivi, u b’hekk tippromwovi mudelli aktar trasparenti.

Waqt din il-konferenza, il-Ministru saħqet li t-tkabbir ekonomiku ma jistax isir għad-detriment tal-progress soċjali u l-protezzjoni ambjentali. Il-qalba lejn prattiki aktar sostenibbli għandha tinkludi s-setturi kollha u għandha tkun sostnuta minn inizjattivi tal-Gvern, bħalma qed isir permezz ta’ inizjattivi bħat-twaqqif tal-Climate Action Authority, il-Politika Nazzjonali għall-Installazzjonijiet ta’ Enerġija Rinnovabbli fuq il-Baħar, ukoll miżuri wiesgħa ta’ appoġġ għan-negozji li qed jinvestu f’sistemi aktar ambjentali.

Il-Ministru Dalli enfasizzat l-importanza tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) bħala qafas li jiggwidana kif ukoll il-preżentazzjoni imminenti tat-tieni Voluntary National Review ta’ Malta dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tal-Ġnus Magħquda f’Lulju. Ta’ min jinnota wkoll il-ħatra tal-Ministru bħala Chairperson tal-Global Council on Sustainable Development Goal 7 (Affordable and Clean Energy), xhieda tal-impenn nazzjonali biex tippromwovi enerġija aktar nadifa u aċċessibbli madwar id-dinja.

Filwaqt li rrikonoxxiet l-isfidi, b’mod speċjali għall-intrapriżi żgħar, il-Ministru saħqet li l-Gvern huwa impenjat li joffri sostenn permezz ta’ inċentivi u għajnuna teknika. Hija semmiet ukoll il-punt kruċjali tal-listing tal-ewwel green bond ta’ diversi miljuni mill-Water Services Corporation, pass li jixħet dawl fuq ir-rwol dejjem jikber tas-settur finanzjarju fl-iżvilupp ta’ proġetti ambjentali.

Fil-konklużjoni tad-diskors tagħha, il-Ministru appellat lill-partijiet interessati kollha biex iħarsu lejn is-sostenibbiltà bħala opportunità. “Permezz ta’ kollaborazzjoni, innovazzjoni u reżiljenza, nistgħu nagħmlu lil Malta xempju ta’ tkabbir sostenibbli li jħares is-saħħa ambjentali u jaħħaħ il-komunitajiet tagħna filwaqt li jiżgura futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet futuri.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport