Tuesday, March 11, 2025

Il-Ministeru għall-Ambjent u l-ERA jħabbru r-riforma fil-permessi ambjentali

Regolamenti ġodda se jintroduċu livelli differenti ta’ permessi skont it-tip u l-iskala tal-operat

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ambjent u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħabbru r-riforma fil-permessi ambjentali, liema regolamenti se jkunu qed jiġu ppubblikati fil-jiem li ġejjin.

F’laqgħa mmexxija mill-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Kevin Mercieca, ġew spjegati fid-dettall ir-regolamenti l-ġodda, mibnija fuq l-Att dwar il-Protezzjoni Ambjentali. Ir-regolamenti qed jiġu ppubblikati wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u wara evalwazzjoni tal-feedback li l-Awtorità ambjentali rċeviet.

Il-liġi l-ġdida tirrappreżenta bidla importanti favur standards ambjentali ogħla, bil-għan li jintlaħqu tliet miri prinċipali:

  • Li tirregola u tesiġi standards ogħla minn numru ta’ operati u attivitajiet. Fil-fatt se jkun hemm operati u attivitajiet li qed jiġu regolati għall-ewwel darba.
  • Li tintroduċi u ssaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tagħtihom id-dritt li jieħdu sehem fil-proċess. Ir-regolamenti l-ġodda jagħtu wkoll ċarezza fuq il-proċeduri applikabbli u aċċess aħjar għall-ġustizzja dwar l-istess deċiżjonijiet.
  • Li toħloq level-playing field bejn l-operaturi diversi, fejn min jinvesti biex jilħaq standards ambjentali ogħla ma jkunx żvantaġġjat fil-konfront ta’ kompetituri li jagħtu inqas każ tal-ambjent.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat, “Il-prinċipju ewlieni li mexxiena ’l quddiem kien dak li l-pubbliku jkollu involviment aktar fil-ħruġ tal-permessi ambjentali. Qed nagħtu drittijiet ġodda. Mhux fil-prinċipju biss, imma b’mod partikolari fil-prattika. Irridu li attivitajiet meħtieġa jsiru b’mod sostenibbli u li jirrispettaw il-prioritajiet u t-tħassib tan-nies. L-ERA dan se tkun qed tilħqu bi standards ambjentali aktar b’saħħithom fl-għoti tal-permess.”

Ir-regolamenti l-ġodda se jwasslu biex għadd ta’ deċiżjonijiet se jittieħdu pubblikament hekk kif mitlub mil-liġi, u d-deċiżjonijiet iridu jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità. Bħalissa l-konsultazzjoni bis-sehem tal-pubbliku hija marbuta biss ma’ applikazzjonijiet għal operat industrijali li jaqa’ taħt il-kategorija tal-IPPC (Integrated Pollution Prevention and Control). Din se titwessa’ sabiex tkopri wkoll bosta mill-operati u attivitajiet indikati fl-iskedi.

Il-Kap Eżekuttiv Kevin Mercieca qal, “Dawn ir-regolamenti huma pass kbir ’il quddiem fil-ħarsien tal-ambjent li jwettqu wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Awtorità – li jkollna proċess għall-permessi ambjentali b’saħħtu li jirrikonoxxi lil min jagħmel investiment għal standards ambjentali ogħla, filwaqt li nagħtu wkoll opportunità liċ-ċittadin jipparteċipa b’mod sħiħ fil-proċess. Dan huwa sinjal ċar tal-impenn tagħna li nsaħħu l-ambjent.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport