Saturday, August 9, 2025

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni iwaqqaf Bord ta’ Inkjesta indipendenti  dwar il-każ ta’ frodi u ta’ fondi pubbliċi mill-MCAST

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni ħabbar li qed iwaqqaf Bord ta’ Inkjesta indipendenti taħt l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta’ Malta) dwar il-każ ta’ frodi u miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi mill-MCAST.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Clifton Grima ħatar lill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi bħala Chairman tal-Bord tal-Inkjesta, flimkien ma’ żewġ membri oħra, sabiex imexxu l-proċess skont it-termini ta’ referenza li ġew stabbiliti. L-inkjesta għandha:

•            tistabbilixxi l-fatti, il-proċessi, il-proċeduri u s-sistemi tal-MCAST relatati mal-payroll, u tidentifika r-responsabbiltajiet amministrattivi, ċivili u/jew kriminali fejn ikun applikabbli;

•            tivverifika jekk kienx hemm relazzjoni bejn id-deċiżjonijiet jew l-azzjonijiet meħuda minn uffiċjali tal-MCAST u l-każ ta’ frodi u miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi;

•            teżamina s-sistemi kurrenti tal-MCAST u jekk dawn jipprovdux mekkaniżmi awtomatiċi biex jidentifikaw attività suspettuża jew ta’ governanza ħażina;

•            tressaq konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet meħtieġa, kemm regolatorji kif ukoll amministrattivi, biex tiġi msaħħa l-governanza u l-kontabilità fl-MCAST.

Il-Bord ta’ Inkjesta huwa awtorizzat jaħtar esperti fejn meħtieġ, u għandu jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Ministru fi żmien mhux aktar minn sitt ġimgħat mid-data tal-ħatra tal-Bord ta’ Inkjesta.

L-inkjesta se titmexxa b’mod li ma tfixkilx jew tippreġudika investigazzjonijiet jew proċeduri legali oħra pendenti relatati mal-każ.

Il-Ministru tenna li l-awtonomija tal-MCAST se tibqa’ rrispettata u li l-proċess se jsir b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Awditjar Intern u Konformità fi ħdan il-Ministeru u bl-appoġġ tad-Dipartiment tal-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet (IAID).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport