Sunday, September 21, 2025

Il-Ministeru għall-Ġustizzja jmexxi aktar riformi: minn binja ġdida għall-Maġistrati Inkwirenti għall-iffirmar tal-Valletta Protocol fuq livell Ewropew

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni fl-aħħar jiem kompla jwettaq żewġ passi kruċjali fis-settur tal-ġudizzjarja, kemm fuq livell nazzjonali u kif ukoll fuq livell Ewropew.

Dan hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa ġiet inawgurata binja ġdida għall-Maġistrati Inkwirenti fil-Belt Valletta li se tinkludi fost l-oħrajn sezzjoni speċjalizzata. 

Bil-ftuħ ta’ din il-binja ġiet kompluta r-riforma fl-inkjesti, b’sezzjoni tal-maġistrati inkwirenti speċjalizzata, iffukata fuq dan l-aspett tant sensittiv fil-proċedura penali, u li topera minn binja distinta mgħammra bl-għodod kollha neċessarji.

Il-Ministru Dr Jonathan Attard saħaq li din l-binja l-ġdida mhijiex biss proġett infrastrutturali iżda parti minn viżjoni usa’ li tinkludi aktar diġitalizzazzjoni u teknoloġija fil-qrati.

Fuq livell Ewropew, Malta kienet fiċ-ċentru tal-attenzjoni hekk kif il-Konferenza tal-Ministri għall-Ġustizzja tal-Kunsill tal-Ewropa bdiet bl-iffirmar tal-Valletta Protocol, u ikkonkludiet bir-rikonoxximent tad-dikjarazzjoni politika b’mod unanimu mis-46 Stat Membru. Dan il-protokoll jaġġorna l-Konvenzjoni Ewropea tal-1959 dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali, u jipprovdi strumenti moderni fil-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali.

Il-Ministru Attard enfasizza li d-diġitalizzazzjoni m’għadhiex fakultattiva iżda essenzjali: “B’standards komuni u fiduċja kondiviża, il-ġustizzja tibqa’ rilevanti fl-era diġitali.” Huwa saħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ sinerġija bejn l-istati membri biex il-kriminalità organizzata ma ssibx kenn.

Fl-għeluq tal-konferenza, il-Ministru Attard iddeskriva l-Valletta Protocol u d-Dikjarazzjoni Politika bħala impenn storiku u espressjoni ta’ rieda kollettiva li tiggwida l-ħidma futura tal-istati membri.

“Minkejja d-daqs tagħha, Malta qed tibqa’ vuċi qawwija għall-ġustizzja, għad-drittijiet tal-bniedem u għas-saltna tad-dritt”, temm il-Ministru Attard.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport