Thursday, December 26, 2024

Il-ministeru soċjali b’għajnuna ta’ aktar minn miljun ewro lis-Salesjani

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal issiġilla l-aħħar ftehim soċjali għas-sena 2023, permezz ta’ estensjoni illi kellu mas-Salesjani ta’ Don Bosco, illi jmexxu Dar Osanna Pia u Dar Mamma Margherita. Dawn ir-residenzi jilqgħu ġuvintur bejn it-18 u l-25 sena, li jkunu spiċċaw bla saqaf fuq rashom, mingħajr assistenza u lanqas ma jkunu jistgħu jaffordjaw jgħixu b’mod indipendenti f’residenza privata.

Għaldaqstant dawn iż-żewġ residenzi jħejju u jippreparaw lil dawn iż-żgħażagħ, sabiex b’mod gradwali jissaħħu u jitgħallmu jieħdu d-deċiżjonijiet f’waqthom, filwaqt li jippjanaw il-finanzi tagħhom.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt żjara li għamel f’waħda mir-residenzi, flimkien mat-tmexxija tas-Salesjani f’Malta. Fil-fatt dan il-finanzjament mifrux fuq tliet snin, se jkun ta’ aktar minn miljun ewro.

Din l-għajnuna finanzjarja li se tiggarantixxi s-servizzi ta’ programmi offruti huma fuq bażi semi-indipendenti u jimxu skont l-eżiġenzi tal-individwu. Aktar minn hekk, ser jingħata servizz ta’ 14-il sodda f’Dar Osanna Pia u 7 sodod f’Dar Mamma Margherita.

“L-għan huwa li permezz ta’ taħriġ u ħidma kontinwa jissaħħu l-emozzjonijiet u l-imġiba tal-ġuvintur, minħabba l-fatt li ħafna drabi jkunu affettwati b’mod negattiv b’dak kollu li jkun qed jiġri madwarhom. Eventwalment, irridu naraw li kull żagħżugħ jintegra fil-komunità u jkun kapaċi jibni futur, familja u karriera f’dak li verament jixtieq,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Intant, il-Ministru Michael Falzon ħabbar kif għas-sena d-dieħla hemm allokati €12-il miljun oħra sabiex jitkompla l-finanzjament ta’ ftehimiet illi diġà hemm ma’ diversi għaqdiet mhux governattivi. Ma’ dawk eżistenti ser jingħaqdu żewġ ftehimiet ġodda, wieħed ma’ Dar Kenn Għal Saħħtek u ieħor mal-Fondazzjoni Karl Vella.

Ekonomija

Sport